Blogger b’messaġġ b’saħħtu biex kulħadd iħobb lil ġismu

Miktub minn MARIA AZZOPARDI

Issa li bdejna s-Sajf, bosta huma dawk in-nies li jibdew jiffukaw dwar id-dehra tagħhom filwaqt li oħrajn jista’ jkun iħossu l-pressjoni biex ikollhom xi dehra differenti milli għandhom. Li tieħu ħsieb saħħtek u tiekol b’moderazzjoni huwa tajjeb iżda madanakollu m’għandna qatt naqgħu għall-pressjoni żejda. F’din l-intervista ma’ inewsmalta, Claire Apap titkellem dwar l-irwol tagħha bħala mudella li hija wkoll għaddiet minn esperjenzi fejn persuni kienu jikkummentaw dwar id-dehra tagħha iżda tgħallmet li malli tibda tħobb lilek innifsek tkun ħafna iktar kuntent.

Min hi Claire Apap?

Claire Apap trabbiet ġewwa r-raħal taż-Żejtun imdawra minn bosta membri tal-familja, tant hu hekk li anke fil-post fejn toqgħod issa, kull fejn tħares xi ħadd jiġi minnha. Claire żżewġet ta’ età żgħira u għandha żewġt itfal, tifel u tifla, li huma l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitha. Claire ttella’ videos, blogs u ritratti fuq il-paġni tagħha bit-titlu ta’ ‘Claire’s Curves’ fejn titkellem dwar pożittività għal dawk in-nisa li kultant iħossuhom konxji u mdejqin minħabba xi imperfezzjonijiet li għandhom.

Kif tħares lejn innifsek u x’inhuma l-aktar fatturi li jagħmluk kunfidenti fik innifsek?

Jien nipprova nħares lejja nnifsi b’mod pożittiv u minflok niffoka fuq l-imperfezzjonijiet tiegħi nħares lejn l-affarijiet sbieħ li għandi dejjem.

X’ambizzjonijiet għandek u kif taħseb li l-immuddellar jagħti sapport lill-persuna?

L-ambizzjonijiet tiegħi huma li nkompli ngħin lin-nies iżidu l-kunfidenza tagħhom minħabba li hawn min hu bħali u xorta kuntent bih innifsu. L-immudellar jagħtik sens ta’ liberazzjoni u fil-każ tiegħi narah importanti għax qed nuri tip ta’ figura differenti f’media li iffukat fuq figura li hija kważi impossibli tasal għaliha. 

Ġieli għaddejt minn xi bullying jew xi kummenti rigward id-dehra tiegħek b’mod negattiv? Kif dawwart dawn l-isfidi f’opportunità biex timxi ‘l quddiem?

Meta kont iżghar kelli ħafna nies li kienu jikkummentaw u jweġġgħuni immens u kemm-il darba kont immur id-dar iddispjaċuta li nies li suppost kienu ħbieb tiegħi jew familjari weġġgħuni anki jekk ma kinux jafu li bil-kummenti tagħhom kienu qed jagħmlu dan. Jien dan iż-żmien niffoka fuq il-pożittivita u kemm ili ntella’ materjal fuq il-paġna tiegħi ma tantx kelli nies li kitbuli xi messaġġ b’mod negattiv. Xorta kien hemm min ma qabilx mal-fatt li ntella’ l-materjal u jikkummentaw li qed nippromwovi l-obeżita jew immaqdar lil min hu rqiq. Iżda dan hu l-oppost ta’ li nagħmel jien. Infatti nitkellem fuq kif kulħadd sabiħ bil-mod tiegħu u kulħadd għandu jagħmel mill-aħjar biex jiehu ħsieb saħħtu.

Issa li ġej is-sajf bosta nies ikunu konxji ħafna ta’ ġisimhom u mhux l-ewwel darba li jkun hawn iktar pressjoni biex wieħed jagħmel id-dieta. Xi ħsibijiet għandek dwar dan u x’temmen li huma l-effetti qed iħalli fuq it-tfajliet u l-ġuvintur?

Jien ikellmuni ħafna nisa ta’ figuri differenti u jgħiduli li jkollom dwejjaq kbar meta jasal dan iż-żmien għax iħossuhom konxji ħafna meta jmorru jgħumu. Il-verità hi li din il-pressjoni ħafna drabi minflok tikkawża ċertu nies li jonqsu jħossuhom li m’għandomx jidhru bil-malji u ma jgawdux is-sajf. Jien dejjem ngħid li aħjar tgawdi ħajtek għax waħda biss għandna u jekk noqgħodu niddejqu nidhru se nitilfu ħafna mill-gost u memorji sbieħ li jista’ jkollna.

X’messaġġ tixtieq twassal lil dawk in-nisa li sfortuntament ma jħossuhomx komdi b’ġisimhom speċjalment wara numru ta’ kummenti li jaqilgħu anke fl-isfond li hawn numru ta’ nies li jiżviluppaw eating disorder?

Jien dejjem ngħidilhom li l-ġisem ta’ kulħadd jinbidel tul iż-żmien u li rridu napprezzaw dak li jagħtina ġisimna u mhux immaqdruh kontinwament. Minkejja li għandna dejjem nipprovaw inkunu b’saħħitna u nieklu b’moderazzjoni ma nistgħux infittxu d-difetti għax dejjem se nsibu xi difett u għalhekk nemmen li jkun ferm aħjar kieku nippruvaw infittxu dak li huwa sabiħ.

X’inhu l-motto tiegħek fil-ħajja u kif tipprova twettqu?

Il-motto tiegħi fil-ħajja hu li għandna dejjem inkunu l-ikbar ħbieb tagħna nfusna, nissapportjaw lilna nfusna u qatt ma nitkellmu fuqna b’mod negattiv. Malli tibda tħobb lilek innifsek tkun ħafna iktar kuntent u tħossok liberat mill-piż tal-opinjoni ta’ ħaddiehor.

Share With: