Borussia Dortmund b’kunċett ġdid virtwali
Borussia Dortmund ħassru t-tour li kellhom ippjanata għall-kontinent Asjatiku minħabba l-pandemija tal-Covid-19 li tidher li għadha turi snienha f’diversi pajjiżi oħra barra l-Ewropa. Kien id-direttur tal-marketing tal-club, Carsten Cramer, li kkonferma wkoll din l-aħbar.
Minkejja kollox, l-istess Kramer ħareġ bi proposta interessanti li se togħġob lit-30 club ta’ partitarji li kienu qed jistennew bil-ħerqa l-wasla tagħhom.
Dawn l-istess partitarji Asjatiċi se jkollhom iċ-ċans li jiltaqgħu virtwalment mal-players billi jkellmuhom u jiddiskutu l-istaġun li se jintemm nhar is-Sibt li ġej.
Fl-istess waqt se jkun hemm iċ-ċans li dawn il-partitarji jaraw b’mod dirett dak li jkun qed jiġri waqt is-sessjonijiet ta’ taħriġ immexxija mill-coach Lucien Favre.