Chelsea jiffirmaw lil Timo Werner għal £53 miljun

Chelsea ħabbru l-akkwist tal-attakkant ta’ RB Leipzig, Timo Werner, għas-somma ta’ £53 miljun. Il-coach tal-Blues, Frank Lampard, kien ferm ħerqan li jsaħħaħ l-attakk tiegħu u rnexxielu jikseb wieħed mill-aqwa attakkanti bħalissa fl-Ewropa.

Il-player internazzjonali Ġermaniż li fadallu żewġ partiti x’jlgħab ma’ RB Leipzig, iffirma kuntratt ta’ ħames snin mat-team minn Londra b’salarju ta’ £175,000 fil-ġimgħa.

Meta kien qed jitkellem wara li Chelsea ħabbru dan it-trasferiment, Werner qal li jinsab ferm kuntent fuq il-fatt li se jkun qed jilgħab fil-Kampjonat Premier fl-Ingilterra.

“Ninsab ferm kuntent li ffirmajt mal-Blues, huwa mument ta’ kburija għalija għall-fatt li se nkun qed ningħaqad ma’ club hekk kbir.”

“Ovvjament, nixtieq nirringrazzja lil RB Leipzig, lill-club u lill-partitarji, għal erba’ snin fantastiċi. Se tibqgħu dejjem f’ħajti.”

“Qed inħares ‘il quddiem għall-istaġun li ġej mal-players il-ġodda sħabi, il-manager il-ġdid u ovvjament il-partitarji ta’ Chelsea. Flimkien għandna futur mill-isbaħ jistennina.”

Id-direttur ta’ Chelsea Marina Granovskaia żiedet: “Ninsabu eċċitati ħafna li Timo Werner għażel li jingħaqad ma’ Chelsea.”

“Huwa player li ġibed fuqu l-attenzjoni tal-Ewropa kollha u mhux sorpriża li kien l-għira ta’ diversi timijiet.”

“Ma nistgħux nistennew iż-żmien li jkollna lil Timo fil-club, iżda sa dak il-waqt nixtiequ lilu u lil RB Leipzig kull suċċess għall-kumplament tal-istaġun.”

Werner se jingħaqad ma’ Chelsea fl-1 ta’ Lulju minħabba l-fatt li għażel li ma jkomplix il-kampanja taċ-Champions League ma’ RB Leipzig meta din il-kompetizzjoni titkompla f’Awwissu.

Huwa kien skorja l-uniku goal meta Leipzig kienu lagħbu kontra Tottenham Hotspur fl-aħħar round.

Werner se jkun qed jiffaċċja lil Borussia Dortmund nhar is-Sibt qabel itemm l-istaġun tal-Bundesliga u ż-żmien tiegħu ma’ Leipzig away kontra Augsburg.

Huwa se jkun qed iħalli lil Leipzig wara erba’ snin ta’ suċċess mal-club kif ukoll bħala l-aqwa skorer ta’ kull żmien ta’ dan il-club.

F’157 partita, Werner skorja 93 goal u kellu 40 assist. Huwa lagħab 29 darba mal-Ġermanja u skorja 11-il goal u huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa players żgħażagħ fil-preżent fid-dinja tal-football.

Share With: