Coppa Italia: Napoli fil-finali

Napoli li kisbu l-passaġġ għall-finali tal-Coppa Italia ta’ nhar l-Erbgħa li ġej fejn se jkunu qed jaffrontaw liċ-champions Juventus, meta fit-tieni leg li ntlagħab fi Stadio San Paulo spiċċaw fi draw ta’ 1-1 wara li fl-ewwel leg kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 għal aggregate ta’ 2-1.

Inter għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss tliet minuti fetħu l-iskor permezz ta’ corner dirett tad-Daniż Christian Eriksen li qarraq għal kollox bil-goalkeeper David Ospina u d-difiża ta’ Napoli, biex b’hekk skorja t-tieni goal tiegħu bil-flokk ta’ Inter wara li kien irnexxielu jsib ix-xibka kontra Ludogerets fil-UEFA Europa League, fix-xhur li għaddew.

Fit-33 minuta, Inter resqu li jkabbru l-vantaġġ meta Ashley Young xeħet cross lejn Romelu Lukaku li kellu d-daqaa ta’ ras tiegħu tiġi salvata minn Ospina. Napoli ġabu l-iskor indaqs fit-43 minuta, meta l-goalkeeper Kolumbjan Ospina, bla dubju l-aqwa player fil-partita, hekk kif salva lil Napoli minn goals ċerti, għadda pass twil lejn il-captain Lorenzo Insigne li min-naħa tiegħu qassam fil-baxx lejn il-Belġjan Dries Mertens li tefa’ l-ballun fix-xibka.

Fit-tieni taqsima, Inter ippressaw għall-goal tar-rebħa iżda sabu lid-difiża Naplitana ferm kumpatta u organizzata li ċaħħdithom milli jiksbu l-kwalifikazzjoni għall-finali.

Share With: