Daniel Falzon #25 …sewwieq tal-mutur b’dixxendenza Maltija li qed jikseb bosta suċċessi fis-superbikes tal-Awstralja

Minn MELVIN FARRUGIA

Daniel Falzon hu sewwieq tas-superbikes tal-Awstralja li għad għandu biss 26 sena. Hu diġà kiseb diversi unuri f’din l-ogħla kategorija tat-tlielaq tal-muturi fl-Awstralja u jidher li se jkompli jistinka biex jikseb ħafna oħrajn. Għalkemm Daniel twieled fl-Awstralja, in-nanniet tiegħu min-naħa ta’ missieru huma Maltin. Huma emigraw lejn l-Awstralja fl-1949 u fl-1951 rispettivament. 

F’intervista esklussiva mal-magazine ROTI, Daniel jispjegalna li hu kien ġie f’pajjiżna fl-2006 meta kien għadu pjuttost żgħir. Jirrakkonta li kienet esperjenza mill-isbaħ, fejn interessatu ħafna l-istorja u fuq kollox kellu ċ-ċans li jara fejn kibru n-nanna u n-nannu tiegħu fi żmien il-gwerra. 

Filwaqt li jirrakkonta li minn dejjem kellu l-intenzjoni li jirritorna lejn pajjiżna, is-sewwieq jammetti li ma tantx kellu ħin minħabba t-tlielaq tal-mutur u minħabba l-istudju fl-università. Madankollu, hu jgħid li kellu t-titjira bbukkjata biex jiġi Malta f’Ġunju ta’ din is-sena iżda minħabba l-COVID-19 kellu jippostponi għal darba oħra.  

Dwar il-karriera tiegħu fit-tlielaq tal-muturi, Falzon qal li missieru minn dejjem kellu l-muturi u hu dejjem kien ikun warajh fuqhom sa minn meta jiftakar. Imbagħad jgħid li meta kellu 13-il sena (li hi l-iżgħar età legali meta tista’ ssuq il-muturi tat-triq fl-Awstralja), missieru xtralu mutur 150cc biex jipprattika fuqu. Jistqarr li minnufih ħassu marbut ma’ dan l-isport. 

Daniel jispjegalna li minn dejjem kien iħobb il-muturi. L-ewwel beda jsuq il-muturi ta’ barra t-triq u tal-motocross, meta kellu biss tmien snin. Madankollu, jistqarr li l-passjoni kbira tiegħu hi għall-muturi tat-triq u mill-2007 dejjem kien isegwi l-MotoGP u lis-sewwieq Awstraljan Casey Stoner li dik is-sena kien rebaħ dan il-kampjonat. 

Hu kurjuż li filwaqt li Daniel Falzon hu sewwieq tajjeb tas-superbikes, hu wkoll paramediku mas-servizz tal-ambulanzi. Dwar dan, hu qalilna li fl-ewwel snin li beda jtellaq hu xorta kien imur l-iskola u jattendi għal kors l-università. Kien jagħmel dan għax kien jemmen li tajjeb ikollok pjan ta’ riserva għat-tlielaq. Għalhekk, hu jaħdem fultajm bħala parademiku mal-ambulanzi tal-emerġenza. Jistqarr li dan ix-xogħol hu wieħed li jagħtih ħafna sodisfazzjon u jagħmlu b’passjoni. 

Min-naħa l-oħra, hu jispjega li minħabba dan l-istil ta’ ħajja fejn jaħdem u jtellaq, flimkien mas-sessjonijiet ta’ taħriġ biex jiżgura li jkun b’saħħtu u fl-aħjar kundizzjoni biex itellaq, ma jħallulux tant ħin liberu. 


Mistoqsi dwar l-akbar kisbiet li għamel s’issa fil-karriera tiegħu bħala sewwieq tas-superbikes, Falzon qal li fl-2013 u fl-2014 it-tim żgħir tiegħu mmaniġġjat mill-familja tiegħu stess rebaħ il-kampjonat Awstraljan tas-Supersport 600cc. Jistqar li dak iż-żmien hu kien wieħed mill-aktar sewwieqa żgħar li qatt rebħu l-kampjonat u wieħed mill-iżgħar li qatt rebħu aktar minn darba. Fl-2017, hu kien anke fuq quddiem għal nofs l-istaġun fl-ogħla kategorija, jiġifieri dik tas-Superbike Awstraljan. Dan minkejja li kienu tim immexxi minn familja u rnexxielhom jirbħu diversi tlielaq u spiss. Jgħid li din kienet kisba importanti għall-familja kollha. 

Intant, fl-istaġun kurrenti Daniel Falzon jinsab fis-sitt pożizzjoni wara biss l-ewwel round tal-istaġun, peress li kellu jiġi mwaqqaf minħabba l-COVID-19. Filwaqt li bħalissa qiegħed isuq mat-tim tal-familja – JD Racing, Falzon semma kif matul l-istaġun 2018 – 2019, hu kien itellaq mat-tim tal-Factory Yamaha. Saħaq li kienet esperjenza tal-ġenn peress li dan hu team professjonali ħafna. 

Madankollu, Daniel jgħid li hu aktar ta’ sodisfazzjon għalih li jtellaq mat-team tal-familja għax jirnexxielhom imorru tajjeb anke meta jikkompetu ma’ timijiet akbar minnhom. Ma naqasx ukoll milli jsemmi li fl-2017 ħa sehem fil-kampjonat tal-Pan Delta Chinese Superbike u hemm rebaħ it-titlu fid-debutt. 

Għall-futur, Falzon qed jagħmel kollox pass pass. Jixtieq li jmur tajjeb matul l-istaġun li ġej, billi jippova jirbaħ kemm jista’ tiġrijiet u jitla’ fuq kemm jista’ podji. L-għan tiegħu hu li jkun iċ-ċampjin tas-Superbike Awstraljan, fejn hemm kompetizzjoni qawwija ħafna peress li hemm ħafna sewwieqa b’talent kbir. Finalment, jgħid li bħala team irnexxielhom jirbħu kampjonati fi kważi kull kategorija li kkompetew fiha u għalhekk jixtieq li jżommu ma’ din it-tradizzjoni u jkun in-numru wieħed fl-Awstralja. 

Share With: