“Deċiżjoni waħda ħażina kienet tfisser imwiet … Imnalla ma kienx qed imexxi l-PN” – Il-PM Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela meta għalaq id-dibattitu Parlamentari dwar il-pjan ta’ riġenerazzjoni spikkaw botti politiċi li għalihom l-Oppożizzjoni Nazzjonalista oġġezzjonat  għalkemm ma’ kellha ebda risposta għalihom. 

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li l-gvern ħa deċiżjoni waħda wara l-oħra minkejja tfixkil kontinwu min-naħa tal-Oppożizzjoni. Spjega li deċiżjoni waħda ħażina kienet se tfisser imwiet. “Ħa nfakkarkom x’kien it-tfixkil. Intom xħettu l-frontliners – lis-suldati, quddiem maġistrat f’inkjesta – dak li għamiltu.”  F’dan il-mument beda jkun hemm għajat min-naħa ta’ membri tal-Oppożizzjoni. Il-Kap tal-Oppożizzjoni intervjena u qal li din hi gidba, bil-Prim Ministru jgħidlu “fejn hu Jason Azzopardi. Kien iwieġbek hu. Inutli lil frontliners teħdilhom l-ikel u wieħed minn tiegħek ried jitfagħhom il-ħabs.”

Hu rrimarka li ”taf x’inhu imnalla. Imnalla ma kontx inti qed tmexxi dan il-pajjiż fl-aħħar tliet xhur. Tliet xhur kruċjali li fihom il-pajjiż seta’ mar naħa jew oħra. Nistiednek li forsi imqar tagħmel ġurnata fil-pożizzjoni tagħna, fejn trid tieħu deċiżjoni wara oħra u waħda ħażina titfa’ l-pajjiż fid-direzzjoni żbaljata. U taf xi tfisser direzzjoni żbaljata – li jkollok l-imwiet.”

“Qed nisma’ lil Karol Aquilina. Grazzi sur Karol Aquilina li llum erġajt poġġejt lill-Kabinett f’inkjesta”.  Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, wieġeb billi qal li “jekk il-Prim Ministru u l-kabinett inqabdu jisirqu, iva jitpoġġew quddiem inkjesta”.  Karol Aquilina baqa’ jirrimarka bl-Ispeaker iċanfru, u bil-Prim Ministru jgħid li “meta Karol Aquilina ikollu l-etika li għandi jien, ikun jista’ jitkellem”.

Il-Prim Ministru, Robert Abela qal li b’dak li qed jgħid Karol Aquilina ifisser li hu qed jiddisassoċja ruħu minn dak li għamel id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.  Il-poplu tagħna ma jridx negattività. Irid il-ġid. Irid il-pożittività li aħna bħala gvern kapaċi nagħtu.”

Appella lil Kap tal-Oppożizzjoni biex ma jħallix fazzjoni żgħira fil-Partit Nazzjonalista tikkontrollah. “Mhux importanti x’qed ngħid jien fuq dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni imma x’qed jgħidu in-nies. Nifhimkom li tidhru inkwetati. In-nies qed jitkellmu b’vuċi waħda, dwar id-deċiżjonijiet kruċjali li ħadna”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Share With: