Dele Alli sospiż minħabba rimarki li għadda rigward il-coronavirus fuq il-mezzi soċjali
Il-midfielder ta’ Tottenham Hotspur, Dele Alli, ġie sospiż partita mill-FA Ingliża minħabba post li għamel fuq il-mezzi soċjali rigward il-coronavirus.
Alli ta’ 24 sena tefa’ filmat fuq Snapchat fi Frar li għadda fejn huwa ddieħak bil-pandemija u deher iwaqqa’ għaż-żufjett lil raġel Asjatiku.
Il-player internazzjonali Ingliż ġie mmultat ukoll is-somma ta’ £50,000 u ordnat li jattendi kors edukattiv. Huwa se jkun qed jitlef il-logħba li Spurs għandhom ġewwa darhom kontra Manchester United fid-19 ta’ Ġunju.
Il-filmat li tefa’ Alli juri lilu liebes maskra f’sala ta’ ajruport, qabel il-camera resqet biex jidher raġel Asjatiku, u mbagħad il-fokus marret fuq flixkun ta’ diżinfettant.
Meta ġie mistoqsi rigward dan, Alli qal li kien irrealizza “malajr” li dan il-filmat “potenzjalment seta’ jikkawża kontroversja u ma jintlaqax tajjeb” u neħħih qabel qabad l-ajruplan.
Huwa sostna li kien ġie “tradut” minn ħabib tiegħu li biegħ il-filmat fuq il-kont privat tiegħu lill-media.
Fi stqarrija, Alli qal: “B’rispons għad-deċiżjoni tal-FA, nixtieq nitlob apoloġija għal darb’oħra għal kull offiża kkawżata bl-imġieba tiegħi.”
“Kienet ċajta verament fqira rigward virus li issa affettwana iktar milli qatt stajna nimmaġinaw.”
“Ninsab grat li l-FA kkonfermat li l-azzjonijiet tiegħi ma kinux razzisti minħabba li jien nikkundanna razziżmu ta’ kull xorta. Aħna lkoll irridu noqogħdu attenti tal-kliem u l-azzjonijiet tagħna u kif dawn jistgħu jiġu perċepiti minn oħrajn.”
Aktar minn 41,000 persuna mietu bil-coronavirus fl-Ingilterra, u aktar minn 416,000 madwar id-dinja kollha.
Top of Form