€3 miljun investiment għal proġetti ambjentali nazzjonali

Ġie imħabbar investiment bla preċedent f’proġetti ambjentali taħt il-kuncett ta’ ‘Green & Blue Infrastructure’ fi tlett żoni, fi tlett lokalitajiet, permezz ta’ ħidma tal-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet.

Waqt konferenza stampa l-bieraħ ġiet imħabbra kompetizzjoni primarjament għal periti sabiex jintgħażlu l-aqwa proposti għal proġetti f’dawn iż-żoni. 

Iż-żoni huma:

  • Housing Estate, Il-Ħamrun 
  • Triq Vjal L-Indipendenza, Mosta
  • Triq il-Wied, Ħal-Qormi

Il-Ministru Aaron Farrugia spjega li filwaqt li dan il-proġett se jkun qed jiffoka fuq l-ispazju urban, hemm element ta’ diversita’ fit-tlett siti magħżula, biex inħaddru ż-żoni fejn n-nies jghixu, jaħdmu u jirrikreaw rwieħom.

 “F’Ħal-Qormi, l-intervent se jsir fl-inħawi tal-wied maghtuf ghall ammont ta xita li jilqa fix-xitwa; fil-Ħamrun, il-proġett se jkun fil-qalba tal-komunita’ u f’post fejn jgħixu mijiet ta familji; il-Mosta, triq prinċipali li hija wkoll ikkunsidrata bħala żona kummerċjali,” qal Farrugia. 

Il-Ministru spjega li l-interventi se jsiru permezz ta’ design and build competition fost professjonisti, li minna se jintgħażlu l-aktar proposti li għandom benefiċji ambjentali u għas-saħħa tar-residenti. “Pajjiżna għandu bżonn proġetti li verament jaqblu mal-viżjoni tagħna li ndawwru infrastruttura griza għal dik ħadra (Grey to Green) u li verament jibbenifikaw is-saħħa tar-residenti tagħna u l-benesseri ta’ kulħadd. B’hekk, qed inħarsu lejn modi inqas tradizzjonali, anke għax wasal iż-żmien biex nirrevoluzzjonaw il-kunċett ta’ ppjanar intelliġenti f’pajjiżna,” qal Farrugia. 

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tenna li l-fondi għal dan il-proġett pilota se jkunu mgħoddija mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali (NDSF) sabiex inkomplu nsostnu l-ħarsien tal-komunitajiet tagħna u ntejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti fl-istess komunitajiet. “Qed inkomplu naraw kemm l-fondi iġġenerati mill-Programm tal-Investitur Individwali, ikunu ta’ siewi u importanza sabiex noħolqu proġetti li minnhom jgawdi l-pubbliku inġenerali, u dan billi ninvestu fl-ambjent li ngħixu fih,” kompla jisħaq is-Sur Muscat.

Din l-inizjattiva se tkun immexxija mill-Ministeru għall-Ambjent flimkien mal-ERA, Ambjent Malta u l-Kamra tal-Periti. 

Il-proġetti se jiġu ffinanzjati minn fondi nazzjonali li jikkontribwixxu direttament għal żvilupp soċjali sabiex jiġu mħarsa l-komunitajiet f’pajjiżna.

Share With: