Eintracht Frankfurt jingħataw il-permess biex jospitaw l-aħħar fażi tal-UEFA Europa League

Il-kapijiet tal-UEFA taw permess lil Eintracht Frankfurt biex jospitaw l-istadji ulterjuri tal-UEFA Europa League f’Awwissu li ġej.

Il-finali kellha ssir fil-belt Pollakka ta’ Gdansk, iżda l-awtoritajiet governattivi tal-football Ewropew kellhom il-pjani tagħhom biex iressqu din il-finali f’post ieħor minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Il-UEFA issa identifikat il-Commerzbank Arena ta’ Eintracht Frankfurt bħala l-post alternattiv u huma mistennija li jikkonfermaw dan fil-Laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li jmiss fis-17 ta’ Ġunju li ġej.

Huwa mifhum li l-pjan huwa dak li jiġi skedat mini-tournament ladarba l-kampjonati domestiċi jkunu finalizzati.

Din il-bidla tista’ tfisser li clubs bħal Manchester Uniited, Wolves u Rangers jistgħu jibqgħu nvoluti fil-kwarti-finali.  

L-Istadion Energa Gdansk, li ospita erba’ partiti mill-Euro 2012, kien oriġinarjament skedat li jospita l-finali tal-Europa League għall-istaġun 2019-20 nhar is-27 ta’ Mejju qabel ma l-kompetizzjoni ġiet sospiża f’Marzu li għadda minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Dan hekk kif nofs il-partiti mir-round tal-Aħħar 16 kienu ntlagħbu.

Il-UEFA qed jagħmlu minn kollox biex tirritorna lura l-kompetizzjoni flimkien mal-UEFA Champions League, fejn għandhom l-għan li jorganizzaw mini-tournament bil-finali li ssir fil-Ġermanja.

Huwa mifhum li Eintracht Frankurt għandhom l-aqwa infrastruttura rikjesta biex jospitaw l-aħħar timijiet involuti f’din il-kompetizzjoni kif ukoll il-faċilitajiet tat-taħriġ meħtieġa mit-timijiet involuti.

Fattur ieħor importanti fir-rigward ta’ dan il-fatt huwa dak li l-ajruport ta’ Frankfurt huwa ferm ċentrali fl-Ewropa.

Share With: