“Ejja naħdmu flimkien għar-renju t’Alla”; L-ewwel kliem tal-Isqof-elett t’Għawdex Anton Tuema

Monsinjur Anton Theuma se jkun id-disa’ Isqof t’Għawdex wara li ntgħażel mill-Vatikan biex jieħu post Monsinjur Mario Grech li ġie msejjaħ biex ikompli l-ħidma pastorali tiegħu f’Ruma.

Fl-ewwel kumment tiegħu hekk kif fis-Santwarju ta’ Pinu tħabbret in-nomina tiegħu, Monsinjur Teuma irrimarka li hija x-xewqa tiegħu li l-kommunita f’Għawdex tgħix il-ferħ ta’ din l-ordinazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum.

Huwa esprima wkoll ix-xewqa li l-ferħ u l-entużjażmu tas-saċerdoti lejn Ġesu jgħadduh lill-insara u waqt li semma kif huwa kontinwament jitgħallem mingħand il-lajċi appellalhom biex jaħdmu flimkien għar-renju t’Alla.

L-aħbar li Monsinjur Teuma kien se jkun l-Isqof t’Għawdex tħabbret min-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico fil-preżenza tal-istess Monsinjur Grech u saċerdoti Għawdxin li t-tnejn li huma faħħru l-kwalitajiet tiegħu.

Monsinjur D’Errico sostna li għalkemm mindu tħabbar li se Monsinjur Grech se jkompli b’ħidma f’Ruma sat-tħabbir tal-Isqof il-ġdid għaddew tmien xhur dan mhux żmien twil għax ġieli nomini simili jdumu sena jew sena u nofs.

Huwa spjega kif Monsinjur Grech baqalu xahrejn jew tliet jmexxi d-Djoċesi t’Għawdex u waqt li irringrazzjah tal-ħidma tiegħu sostna li sabiħ tara Għawdxi jokkupa kariga għolja fil-Vatikan.

Min-naħa tiegħu, Monsinjur Grech faħħar lill-Isqof-elett għall-qalb kbira li għandu u l-imħabba lejn l-iktar ċkejknin u waqt li appella lill-pubbliku biex iħobbu irrimarka li l-ikbar dulur għal isqof huwa meta jagħmel ħiltu biex iħobb lil ulied u din l-imħabba tiġi rifjutata.

Huwa wissih li maż-żmien se jkollu min jitfagħlu l-ġebel imma esprima l-konvinzjoni li n-nies tibqa’ warajh waqt li semma kif kienet ix-xewqa tiegħu li din l-aħbar tingħata fis-Santwarju ta’ Pinu u mhux fil-Kurja għax hekk jixraq anke għax il-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu għadu kemm ġie lura mir-restawr.

Wara 14-il sena jmexxi d-Djoċesi t’Għawdex, Monsinjur Grech se jkompli bil-ħidma fil-Vatikan fejn ġie maħtur Pro-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

Share With: