FILMAT: Sfida doppja għad-Dar tal-Providenza

Id-Dar tal-Providenza qed tappella għall-għajnuna tal-pubbliku biex jgħinha f’mument fejn tinsab iffaċċjata minn żewġ sfidi kbar.

L-ewwel sfida hija ta’ dik finanzjarja fejn minħabba l-Covid19 mhux biss żdidulha l-ispejjeż imma anke naqset mid-dħul tagħha speċjalment issa li l-maratona tal-volleyball li kellha ssir din il-ġimgħa mhux se ssir.

Matul l-edizzjoni tas-sena li għaddiet din il-maratona għenet lid-Dar tal-Providenza tiġbor €750,000.

It-tieni sfida li għaddejja minnha tikkonċerna saħħet id-Direttur tagħha, Fr Martin Micallef, li se jkun indispost għall-kumplament tas-sena minħabba li qed jiffaċċja l-marda tal-kanċer.

Mill-ewwel tagħrif dwar il-qagħda tiegħu jidher li t-tip ta’ kanċer huwa wieħed li jista’ jfieq minnu imma minħabba li se jkollu jibda jieħu l-kura minn din il-ġimgħa Fr Micallef se jkun kostrett jiffoka fuq saħħtu.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci żaret ukoll lid-Dar tal-Providenza fejn tlaqqgħet ma’ uħud mir-residenti li anke tawha diversi rigali ta’ tifkira wħud maħdumin minnhom.

Hija wkoll appellat lill-poplu biex jgħin lir-residenti ta’ din id-Dar kif għamel Jesmond Saliba, membru fil-bord tad-diretturi li issa se jieħu f’idejh it-tmexxija li qabel kienet taqa’ taħt Fr Micallef.

Fid-Dar tal-Providenza hemm jgħixu 115-il resident li għandhom jieħdu ħsiebhom madwar 200 professjonist. Kull sena d-Dar ikollha bżonn mal-€5 miljun biex tfendi b’madwar €3 miljun f’pagi.

Id-Dar nediet ukoll is-sit www.sabiħlitagħti.org biex il-pubbliku jkun jista’ jagħti donazzjoni biex jgħinha tfendi f’dawn iż-żminijiet.

Share With: