Fl-istat Awstraljan ta’ Victoria jerġgħu jiddaħħlu restrizzjonijiet wara żieda fil-każi ta’ Coronavirus

Minn MELVIN FARRUGIA

L-istat ta’ Victoria, li hu t-tieni l-aktar stat popolat fl-Awstralja, ħabbar aktar kmieni llum li se jkun qed idaħħal mill-ġdid restrizzjonijiet aktar serji dwar attivitajiet fil-pubbliku u attivitajiet fid-djar wara li kien hemm żieda qawwija fil-każi ta’ Coronavirus għal erbat ijiem wara xulxin. 

Dan ġie mħabbar mill-Kap tal-Gvern ta’ Victoria, Daniel Andrews li kkritika lin-nies talli injoraw il-linji gwida dwar il-kuntatt soċjali u xorta biesu u għannqu lil xulxin. Għaldaqstant, hu reġa’ impona l-limitu ta’ ħames persuni meta jżuru d-djar ta’ xulxin u għaxar persuni meta jkunu fi gruppi barra. 

Ir-restrizzjonijiet, li mistennija jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn u jibqgħu jiġu inforzati sat-12 ta’ Lulju, waslu wara li fil-bidu tax-xahar ġew rilaxxati xi miżuri, fejn l-ammont ta’ nies fi gruppi fil-pubbliku jew fid-djar kien sa 20 persuna. 

L-uffiċjali tal-istat irrapportaw 25 każ ġdid illum, fosthom familji li ltaqgħu flimkien u ħaddiema f’lukanda fejn it-turisti kienu qegħdin jinżammu kwarantina. 

F’Victoria kien hemm kważi kwart tal-każi kollha rrapportati fl-Awstralja, iżda issa jidher li reġgħet qiegħda żżid fil-każi. Fil-fatt, jidher li filwaqt li f’ċerta stati oħra m’hemm ebda każi attivi, f’Victoria l-każi telgħu għal 116.

Share With: