Fondi Ewropej jassistu lil għaqdiet taż-żgħażagħ u NGOs fil-proġetti tagħhom b’impatt pożittiv fuq is-soċjetà

Fis-seminar Discover Erasmus+ & Solidarity Corps – Sharing of Good Practices, diversi NGOs kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-proġetti tagħhom, iffinanzjati minn fondi Ewropej, filwaqt li spjegaw il-miri ta’ dawn il-proġetti marbuta mal-programmi tal-ERASMUS+ u l-European Solidarity Corps, kif ukoll spjegaw ir-riżultati milħuqa u l-effett pożittiv fuq is-soċjetà.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li l-fondi Ewropej huma mifruxa fuq diversi setturi, hekk kif dawn il-programmi jagħtu l-possibbiltà liż-żgħażagħ biex jiksbu esperjenzi differenti, kemm Malta, u anki lil hinn f’pajjiżi Ewropej.

Is-Segretarju Parlamentari saħaq dwar il-benefiċċji li l-għaqdiet li bbenefikaw minn dawn il-fondi qed jipprovdu liż-żgħażagħ tagħna. Żied jgħid li dawn ‘il-programmi jżewwġu diversi aspetti, dak edukattiv, xogħol li jwettqu l-NGOs u l-aspett soċjali’. Hu rrimarka li, minħabba l-pandemija, ħafna proġetti ġew sospiżi temporanjament u issa ser jerġgħu jimbarkaw fix-xhur li ġejjin. Huwa temm jgħid li dawn il-programmi mhux biss ikollhom impatt pożittiv fuq iż-żgħażagħ li jipparteċipaw fihom, iżda wkoll fil-komunitajiet tagħna.

Is-Sur Joseph Schembri, CEO tal-EUPA, stqarr kif il-proġetti li jaqgħu taħt il-kappa tal-ERASMUS+ jużaw metodoloġiji differenti fejn it-tagħlim isir b’mod informali. Is-Sur Schembri rrimarka li għal dawn il-programmi kien hemm konkorrenza tajba ħafna, speċjalment għall-fond tal-ERASMUS+. Huwa appella biex hekk kif il-budget Ewropew għal dawn il-programmi mistenni li jiżdied, aktar NGOs għandhom japplikaw biex ikunu jistgħu jwettqu l-proġetti tagħhom.

Share With: