Footpath u footbridge fl-iskola Sekondarja fil-Ħamrun mistennija jitlestew sal-bidu tas-sena skolastika li ġejja

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dr Owen Bonnici żar l-iskola Sekondarja li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun fejn qed isiru xogħlijiet li huma mistennija li jitlestew sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss.

Il-Ministru Bonnici tenna li, “f’din l-iskola li bosta jafuha bħala l-Liċeo, l-istudenti u l-edukaturi kien qed ikollhom inkonvenjent biex jimxu minn naħa għall-oħra tal-iskola. Aħna bħala Ministeru waslilna dan l-ilment u mill-ewwel rajna kif stajna nsibu rimedju. L-iskola hi magħmula minn żewġ binjiet prinċipali u biex in-nies imorru minn naħa għall-oħra jridu bilfors jinżlu fis-sular t’isfel. Flimkien mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada rajna li jinbnew footpath u footbridge fit-tieni u fit-tielet sular rispettivament bil-għan li tgħaqqad iż-żewġ binjiet minn kull sular. B’hekk se nkunu qed innaqqsu ħafna ħela ta’ ħin għall-istudenti u għall-edukaturi, filwaqt li jagħmel il-ħajja tagħhom ħafna aktar komda.”

Is-CEO tal-FTS, Dr Neville Young, spjega kif, “l-ewwel fażi kienet tinkludi żarmar tal-ħitan tal-faċċata kif ukoll infurzar ta’ konkrit fil-partijiet ta’ fuq u isfel, li servew bħala saqaf u art rispettivament. It-tieni fażi tal-proġett tikkonsisti f’kostruzzjoni tal-mixja fl-ewwel sular. Min-naħa ta’ implimentazzjoni, dan il-proġett involva numru ta’ setturi differenti fosthom; xogħol ta’ konkrit, xogħol fl-artijiet, xogħlijiet strutturali, xogħlijiet ta’ sovrastruttura, xogħlijiet ta’ ġebel, xogħlijiet tal-ilma, xogħlijiet elettriċi u xogħlijiet ta’ pavimentar. Dan kollu sar biex mis-sena skolastika li jmiss il-ħajja tal-istudenti se tkun iżjed komda.”

Il-Kap tal-Iskola, Ms Doriann Portanier Mifsud, irringrazzjat lill-Ministeru u lill-FTS waqt li qalet kif, “l-istudenti u l-għalliema fl-iskola Sekondarja tal-Ħamrun kien ilhom iħossu l-bżonn li jkun hemm footbridge li jgħaqqad iż-żewġ blokkok prinċipali li jiffurmaw l-iskola. Dan propju għaliex kien ta’ inkonvenjenza kbira sabiex wieħed jmur min-naħa għall-oħra tal-iskola, għaliex biex imur minn blokka għall-oħra bilfors ried jinżel fis-sular t’isfel u jerġa jitla biex imur fil-blokka l-oħra. Dan kien jirriżulta f’ħafna ħela ta’ ħin bejn lezzjoni u oħra. Apparti minn hekk, dan l-inkonvenjent seta’ jintuża bħala skuża minn xi studenti biex ikun hemm tlajjar u b’hekk kien iwassal biex jidħlu tard għal-lezzjonijiet. Wara ħafna ħsieb u konsultazzjoni, iddeċidejt li nagħmel talba sabiex dan l-iskariġġ jiġi evitat billi jinbena footbridge u footpath. B’hekk  iż-żewġ binjiet setgħu faċilment jingħaqdu u jiġi evitat ħafna ħela ta’ ħin kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema.”

Dan il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ madwar nofs miljun Ewro u se jkun jista’ jintuża mis-sena skolastika li jmiss.


Share With: