Għaddej il-proċess għal ċermen ġdid fil-Eurogroup …kull pajjiż fiż-Żona Ewro b’vot wieħed ħalli kulħadd ikollu l-istess vuċi

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Ministri tal-Finanzi taż-Żona Ewro bdew mill-bieraħ bil-proċess tal-għażla għaċ-ċermen il-ġdid li se jieħu post Mario Centeno tal-Portugall li mistenni jħalli din il-kariga f’Lulju. Il-Ministri ta’ Spanja, tal-Lussemburgu u tal-Irlanda huma fost il-kandidati possibbli. 

Min ikun f’din il-kariga nissettja l-aġenda fil-laqgħat li jsiru kull xahar mill-Ministru tal-Finanzi tad-19-il pajjiż li jużaw il-munita Ewro, magħruf bħala l-Eurogroup.  

Il-President tal-Eurogroup ikun ukoll iċ-ċermen tal-board tal-fond tal-bail out taż-Żona Ewro, magħruf bħala l-European Stability Mechanism li salva lill-Ġreċja, lill-Irlanda, lill-Portugall, lil Spanja u lil Ċipru milli jfallu. 

Id-deċiżjoni li jinbidel Centeno ttieħdet peress li qed iħalli l-pożizzjoni tiegħu minn Ministru tal-Finanzi. Id-deċiżjoni min se jieħu postu għandha tittieħed fid-9 ta’ Lulju. 

Il-kandidat li se jieħu postu jrid ikollu l-appoġġ ta’ mill-inqas għaxra mid-19-il ministru tal-finanzi madwar il-mejda. Kull pajjiż ikollu vot wieħed biex kemm il-pajjiżi l-kbar bħall-Ġermanja, kif ukoll dawk żgħar bħal Malta jkollhom l-istess vuċi. 

Share With: