Għaqdiet itellgħu lill-PA il-Qorti dwar l-irregolaritajiet fid-Development Brief għall-Jerma

Grupp ta’ seba’ għaqdiet fetħu kawża kontra l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) wara li din naqset milli tirtira d-Development Brief difettuż għas-sit tal-Jerma.

Is-seba’ għaqdiet kienu ippreżentaw protest ġudizzjarju lill-PA f’Mejju li għadda talli implimentat proċedura ta’ konsultazzjoni mtappna bl-irregolaritajiet fir-rigward tad-Development Brief għas-sit li qabel kien okkupat mill-Jerma Palace Hotel f’Wied il-Għajn. Filwaqt li l-Pjan Lokali jimmarka l-limiti taż-żona li għandha tkun soġġetta għad-Development Brief (u ż-żona hija wkoll iddemarkata fi tliet mapep), fl-eżerċizzju tad-Development Brief il-PA iddeċidiet li tinkludi aktar żoni minn dawk delineati fil-Pjan Lokali. Din żiedet żona ekoloġika li għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku u fejn mhija permessa l-ebda żieda fl-għoli jew fil-volum tal-bini, kif ukoll sit ta’ patrimonju storiku li għalih diġà teżisti policy. Barra minn hekk, il-PA b’mod arbitrarju għall-aħħar speċifikat żona ta’ 100,000 metru kwadru li għandha tiġi żviluppata fi ħdan is-sit.

Minħabba l-fatt li dan l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni ma kienx konformi mal-liġijiet u l-policies applikabbli, l-għaqdiet taw għaxart iijiem lill-Awtorità sabiex tirtira l-eżerċizzju difettuż tal-Jerma Development Brief. Wara li l-PA naqset milli tagħmel dan, l-għaqdiet ma kellhom ebda għażla oħra ħlief li jiftħu kawża l-Qorti kontra l-PA.

Kieku d-Development Brief difettuż propost mill-PA kellu jgħaddi, dan jwassal għal proġett ta’ żvilupp massiv li jħalli impatt negattiv fuq l-infrastruttura ta’ Marsaskala u l-ħajja tar-residenti, mingħajr ebda benefiċċju fit-tul għal-lokalità.

L-għaqdiet li fetħu l-kawża huma:

  1. Din l-Art Ħelwa
  2. Flimkien għal Ambjent Aħjar
  3. Green House
  4. Moviment Graffitti
  5. Nature Trust Malta
  6. Ramblers Association of Malta
  7. The Archaeological Society of Malta

Share With: