Ġieli smajtu bil-kelma ‘Astrobiology’?

Minn ELTON VELLA, Explainer, Esplora

Dan huwa suġġett iddedikat għall-istudju tal-ħajja fl-univers. Meta wieħed irid jistudja l-ħajja fl-univers, jagħmel tajjeb li jistudja u jifhem il-ħajja li tinsab f’din id-dinja. Dan għax hekk inkunu nafu fejn għandna nħarsu u xi nfittxu fl-univers. Nagħmlu tajjeb ukoll li nifhmu għala din id-dinja hija speċjali u kif bdiet il-ħajja fid-dinja tagħna. Dawn huma wħud mill-affarijiet li jiġu studjati fl-‘Astrobiology‘.

Id-dinja tagħna hija mimlija bi speċi differenti ta’ annimali, pjanti u batterji. Il-ħajja nsibuha kullimkien anki f’postijiet bi klima estrema. Fost dawn insibu l-kaktus li tgħix fis-sħana tad-deżert, il-pengwin li jgħix fil-kesħa tal-Antartika u d-dud li jgħixu taħt il-ħamrija. Ħafna mill-ħajja li nafu biha tiddependi fuq is-sħana tax-xemx għall-enerġija, iżda l-ħajja sibniha anki f’postijiet fejn id-dawl tax-xemx ma jasalx. Eżempju ċar huwa fil-qiegħ fond tal-oċeani. Hawnhekk l-enerġija ġejja mis-sħana li ħierga minn ġod-dinja stess. Fost dawn l-organiżmi nsibu xi speċi ta’ batteriji li kapaċi jużaw din l-enerġija biex jgħixu biha. Kienet sorpriża kbira l-ewwel darba li rajna granċijiet jgħixu hemm isfel f’dak il-fond! Kienet sorpriża ikbar meta skoprejna li hemm organiżmi mikroskopiċi li kapaċi jgħixu f’postijiet melħin ħafna, oħrajn li jifilħu radjazzjoni kbira u dawk li jgħixu f’temperaturi u pressjonijiet estremi. Oħrajn jgħixu mingħajr ossiġnu! F’dawn il-postijiet qatt ma ħsibna li qatt nistgħu nsibu l-ħajja!

B’hekk kif qed naraw, il-ħajja nsibuha kważi kullimkien f’din id-dinja. Iżda l-bniedem ilu ħafna snin ifittex jekk hemmx ħajja oħra fl-univers, iżda s’issa għadu ma sab xejn. Allura, x’għandha speċjali din id-dinja fejn pjaneti u qmura oħra?

Fattur importanti huwa kemm id-dinja qiegħda ’l bogħod mix-xemx tagħna. Id-dinja tagħna qiegħda f’distanza ’l bogħod biżżejjed biex id-dinja ma tkunx la sħuna u lanqas kiesħa żżejjed. B’hekk nistgħu ngħidu li d-dinja tagħna qiegħda f’distanza perfetta mix-xemx. Bis-saħħa ta’ hekk għandha xi ħaġa speċjali. Dan huwa l-ilma likwidu. Il-ħajja tagħna tiddependi fuq l-ilma likwidu u b’hekk din hija karatteristika importanti li għandha l-pjaneta tagħna fejn pjaneti oħra. Naturalment, hemm fatturi oħra importanti għall-ħajja f’din id-dinja bħal pereżempju l-fatt li għandna atmosfera madwarna. Din tiproteġina minn raġġi perikolużi tax-xemx u tgħina nżommu t-temperaturi tajbin. B’hekk kif wieħed qed jara, il-pjaneta tagħna hija tassew speċjali u għalhekk hawn ħafna li jemmnu li l-ħajja tinsab biss fuq din id-dinja.

Ikun tajjeb li però nifhmu li l-univers huwa post kbir ħafna! Madwar ix-xemx tagħna, apparti d-dinja nsibu seba’ pjaneti oħra, ħafna qmura u pjaneti nani bħal Pluto u Eris. Għalkemm ma hemm l-ebda waħda minn dawn li fihom ilma likwidu fuq il-wiċċ tagħhom, jaf hemm xi qmura li għandhom l-ilma taħt l-art. U kif għidna l-ewwel, l-ilma huwa importanti għall-ħajja kif nafuha aħna. Iżda l-pjaneti u l-qmura ma ssibhomx biss madwar ix-xemx tagħna. Ix-xemx hija biss stilla minn biljuni ta’ stilel li jinsabu fil-galassja tagħna. L-istilel l-oħra wkoll għandhom pjaneti magħhom. B’hekk jekk fil-galassja tagħna hemm biljuni ta’ stilel, tistgħu timmaġinaw kemm hemm pjaneti!

Iżda dan mhux kollox! Fl-univers ma hemmx biss il-galassja tagħna iżda hemm biljuni kbar ta’ galassji, u kull waħda minnhom għandha biljuni ta’ stilel. Dan kollu juri li l-ammont ta’ pjaneti u qmura li hemm fl-univers huwa kbir immens. B’hekk min jaf forsi għad insibu pjaneta jew qamar minnhom li għandhom il-ħajja fuqhom! Imqar xi organiżmu mikroskopiku li jgħix taħt l-art!

Share With: