Ħames kumpaniji evalwati għall-kannabis mediċinali

L-Awtorita dwar il-Mediċini għadha qed tevalwa l-ħames applikazzjonijiet li rċeviet b’rabta mal-produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali.

Kienet il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli li semmiet dan għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Claudio Grech li talabha l-lista tal-kumpaniji li ngħataw il-liċenzja f’dan ir-rigward.

Farrugia Portelli iċċarat li s’sissa l-Awtorita dwar il-Mediċini għadha ma ħarġet l-ebda liċenzja.

Hija żiedet li f’dan l-istadju ma setgħetx tgħidlu min huma l-kumpaniji u l-faċilitajiet fejn qegħdin għal raġunijiet ta’ sigurta u sensittivita kummerċjali.

Il-Gvern jikkunsidra jeżenta l-kera lill-gabbani f’Bieb il-Belt

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg ma eskludix li l-gabbani f’Bieb il-Belt jiġu eżentati mill-kera minħabba l-Covid19.

Kien id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus li staqsih jekk Transport Malta tikkunsidrax li teżenta lill-kerreja tal-gabbani fid-daħla tal-Belt mill-kirja għall-perjodu tal-Covid19 peress li kienu sfurzati jagħlqu minħabba li l-bejgħ waqaf għal kollox.

Il-Ministru Borg wieġbu li kien ħa nota ta’ dan is-suġġeriment sabiex jiġi ikkunsidrat.

L-ittri dwar it-tneħħija ta’ Mizzi jitpoġġew fil-Parlament

L-Ispeaker Farrugia ippreżenta fil-Parlament żewġ ittri li rċieva b’rabta mat-tneħħija tal-eks-ministru Konrad Mizzi mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Waħda mill-ittra ntbagħtitlu mill-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield li nfurmah li Mizzi ma kienx għadu jifforma parti min-naħa tal-Gvern.

L-ittra l-oħra kienet ta’ Mizzi nnifsu fejn wiegħed li se jibqa’ leali lejn il-Partit Laburista u li kien se jibqa’ jaħdem favur il-Gvern.

Share With: