“Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali ma jistax jinvestiga s-sitwazzjoni tal-ħaddiema ta’ TACA”

Ried ikun hemm ħaddiema impjegati ma’ kumpanija lokali biex ikun jista’ jiftaħ investigazzjoni

Miktub minn MELVIN FARRUGIA

Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali, li hu ggwidat mil-liġi tax-xogħol, ma jistax jiftaħ investigazzjoni dwar dak li ġara lill-ħaddiema tal-kostruzzjoni li jaħdmu mal-kumpanija Torka TACA. Biex jiftaħ din l-investigazzjoni, il-kumpanija jrid ikollha impjegati minn kumpanija lokali li taħdem magħha. 

Hekk sostna l-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela meta mistoqsi minn inewsmalta dwar jekk hemmx ħsieb li jsir xi ħaġa fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema li fl-aħħar jiem ma kinux qegħdin jitħallsu mis-sidien tal-kumpanija ma’ min jaħdmu u eventwalment spiċċa anke mingħajr xogħol hekk kif il-kumpanija Fortina ħabbret li kienet qiegħda ttemm il-kuntratt li kellha ma’ din il-kumpanija li jaħdmu magħha. 

Il-Ministru Abela qal li d-dipartiment tar-relazzjonijiet industrijali ried jara x’inhi s-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema. Madankollu, spjega kif bħala dipartiment dan hu ggwidat mil-liġi tax-xogħol u ma jistax joħroġ ‘il barra minn din ir-responsabbiltà tiegħu. 

Spjega li din il-kumpanija Torka daħlet f’kuntratt ma’ kumpanija lokali, iżda fl-istess waqt kellha wkoll relazzjoni ma’ sub contractor ta’ kumpanija oħra Torka. Għalhekk, il-Ministru qal li filwaqt li d-dipartiment ra ftit x’inhi s-sitwazzjoni, però min-naħa l-oħra hu obbligat li jimxi mal-liġi tax-xogħol u għalhekk ma setax jiftaħ investigazzjoni għax ried ikun hemm ħaddiema impjegati ma’ kumpanija lokali biex ikun jista’ jinvestiga. 

Share With: