Id-Diversità tan-Naħal

In-naħal jagħmlu parti kbira mill-insetti li jeżistu fid-dinja. Jeżistu madwar 20,000 speċi li ġew skoperti sa issa. Iżda huwa biss numru żgħir minn dawn l-ispeċi kollha, li aħna l-iktar familjari magħhom. Fil-fatt, hawn Malta, meta wieħed juża l-kelma naħla, dejjem jiftakar fl-iktar waħda li nafu biha, in-naħla tal-għasel, magħrufa bħala honey bee. In-naħla tal-għasel tgħix bħala parti minn kolonja u hija naħla soċjali. Fil-verità ħafna mill-ispeċi tan-naħal huma tip ta’ naħal li jgħix fis-solitudni u mhux ġewwa miġbħa jew bee-hive. Jeżistu naħal ta’ kull qies, forma u kulur. Hemm numru minnhom kbar bħall-Bomblu Iswed The large carpenter bee u oħrajn li tant huma żgħar li wieħed faċilment jitfixkilhom ma’ xi nemlu li jtir jew xi dubbiena żgħira. 

Fatt veru importanti li wieħed irid iżomm f’moħħu, huwa li l-ispeċi differenti tan-naħal evolvew ma’ tipi partikolari ta’ fjuri fuq medda ta’ mitt miljun sena. Ir-relazzjoni unika li n-naħal għandu ma’ ċertu fjuri hija waħda ta’ servizz utli u indispensabbli. Fil-fatt huma jdakkru l-fjuribħalma jagħmlu  ħafna speċi ta’ insetti oħra. Fl-istess ħin il-fjura tipprovdi lin-naħal xelta ta’ ikel: nektar, trab tad-dakra í u sustanzi oħra.   

Relazzjoni unika tan-naħal 

Madwar 6% tal-pjanti jipproduċu fjuri li għandhom petala f’forma li tagħmilha diffiċli biex insett jilħaq in-nektar u t-trab tad-dakra pollen. Biex jirnexxilha tieħu t-trab tad-dakra minn dawn il-fjuri, in-naħla tuża tattika ferm interessanti. Hija kapaċi triegħed jew iżanżan il-fjura biex l-anteri, (zkuk irqaq ġewwa l-fjura), ifarfru t-trab tad-dakra. Dan it-tip ta’ aġir evolva matul iż-żmien. Il-Bumblebee hija tip ta’ naħla kbira li tesebixxi din ir-relazzjoni partikolari ma’ ċertu fjuri.   

Id-dakra biż-żanżin huwa mezz kif in-naħal jiġbor u jwaqqa’ t-trab tad-dakra mill-fjura u fl-istess ħin idakkarha.

Pjanta jew frotta li tiddependi fuq dan it-tip ta’ dakra, iż-żanżin, hija t-tadama. It-tadama tiddakkar b’dan il-mod biss għax il-forma tal-fjura tagħha hija waħda unika. L-istudji wrew li meta jkun hemm in-naħla jew il-bomblu (Bumblebee), it-tadam jipproduċi kwantità ikbar ta’ frott għax jiddakkar b’mod iktar effiċjenti. 

In-Naħla tal-Għasel Maltija

Bla dubju li l-iktar naħla li aħna familjari magħha hija dik li tagħtina l-għasel. Kont taf li ġewwa Malta għandna subspeċi ta’ din it-tip ta’ naħla, magħrufa bħala Apis Melifera ruttneri? Din it-tip ta’ naħla hija endemika għal Malta – dan ifisser li tinsab f’Malta biss. Xi ħaġa unika dwar in-naħla Maltija hija li din kapaċi tgħix matul l-istaġuni ta’ nixfa u sħana tremenda li jkollna f’Malta. Lura fil-1980, konna naħsbu li n-naħla Maltija kienet inqerdet u ġiet estinta, iżda b’ħafna xogħol ta’ naħħala lokali, illum nistgħu ngħidu li reġgħet qiegħda magħna.

Din l-ispeċi kapaċi ssib ikel u ilma anke matul l-iktar żmien niexef tas-sena minn April sa Settembru. Hija wkoll kapaċi tiddefendi ruħha kontra wieħed mill-iktar predaturi feroċi tagħha iż-Żunżan Bagħal (Oriental Hornet).

Ritratt fuq ix-xellug: ©Desiree Falzon – Bomblu Iswed –Speċi ta’ naħla solitari ġewwa Malta.
Ritratt fuq il-lemin: ©Sarah Galea – Naħla ta’ Malta – Apis Mellifera ruttneri – In-naħla maltija hija waħda reżiljenti u inota kemm hija iktar skura min naħal ta l-għasel iehor li jeżistu. 

Share With: