Igli Tare jiċħad li Ciro Immobile jista’ jitlaq lil Lazio

Id-direttur sportiv ta’ Lazio, Igli Tare, ċaħad kull spekulazzjoni li ħarġet f’dawn l-aħħar jiem li l-attakkant prolifiku Taljan, Ciro Immobile, jista’ jħalli lill-belt kapitali Taljana sabiex jingħaqad ma’ Napoli.

“Ciro Immobile huwa Lazio,” qal b’mod skjett Tare b’referenza għall-imħabba li għandu lejn dan il-club li tant tah opportunitajiet matul dawn l-aħħar snin kemm ilu magħhom. Qabel il-waqfa sfurzata minħabba l-pandemija tal-COVID-19, Immobile kien jinsab fil-quċċata tal-aqwa skorers tas-Serie A b’27 goals, sitt iktar minn Cristiano Ronaldo ta’ Juventus.

Tare kkonferma li ma kellu l-ebda kuntatt mad-direttur sportiv ta’ Napoli, Cristiano Giuntoli, u għalhekk dan kollu jfisser li Immobile se jkompli jonora l-kuntratt tiegħu mal-Biancocelesti.

Share With: