Ikomplu jiftħu iktar ċentri li huma parti mill-iskema ta’ childcare centres b’xejn – tiżdied bid-doppju u iktar l-attendenza tat-tfal

Wara li nhar il-Ġimgħa fetħu 69 ċentru li huma parti mill-iskema ta’ childcare centres b’xejn li laqgħu fihom mijiet ta’ tfal, illum fetħu 37 ċentru ieħor għal total ta’ 106. Iktar ċentri se jkomplu jiftħu fil-jiem li ġejjin. Sadanittant ġiet rapportata żieda fl-ammont ta’ tfal li attendew iċ-childcare centres matul il-ġurnata tal-lum bin-numru ta’ tfal li qed jattendu jiżdied b’iktar mid-doppju meta kkomparat ma’ nhar il-Ġimgħa għal total ta’ kważi 1,000 tifel jew tifla

 Dan ħabbru l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici fi żjara li huwa għamel dalgħodu fiċ-ċentru tal-kura tat-tfal “Manuċċa” fiż-Żejtun, li huwa mmexxi mill-Kunsill Lokali. Dan iċ-ċentru fetaħ mill-ewwel il-bibien tiegħu u llum kienet it-tieni ġurnata li fiha laqgħu tfal mill-waqfa li seħħet f’Marzu li għadda. Matul din iż-żjara l-Ministru Bonnici seta’ jinnota l-prekawzjonijiet li jittieħdu skont il-linji gwidi li nħargu mill-awtoritajiet tas-saħħa b’konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders ewlenin.

Il-Ministru Bonnici irringrazzja l-ħaddiema kollha fiċ-ċentri tal-kura tat-tfal, inkluż dawk li jaħdmu fl-14-il ċentru li tmexxi l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi. Huwa qal li dawn iċ-ċentri huma ċavetta mportanti għal diversi ġenituri li jkunu jridu jkomplu bix-xogħol tagħhom u ħeġġeġ lil iktar ġenituri biex jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet.

Iċ-childcare centre “Manuċċa” ilu jopera iktar minn 6 snin u jimpjega 9 ħaddiema fosthom Coordinator, helper u 7 carers. 

Minister for Education and Employment Owen Bonnici visits childcare centre
Share With: