Il-banek

Minn ALFRED SANT

Kontroversja li qamet fl-aħħar ġimgħat dwar il-banek Ewropej kienet tgħd hekk: Għalihom qed jinbidlu r-regoli biex isiru aktar flessibbli u jkunu jistgħu joffru iżjed għajnuniet finanzjarji lill-impriżi u liċ-ċittadini milquta bl-imxija tal-coron virus. B’hekk qed jiġu żgurati li b’li għaddej u b’li qed ikollhom jagħmlu, il-banek ma jintlaqtux ħażin. F’dil-ħaġa, biljuni fuq biljuni ta’ ewro qed jinżammu għal-lest mill-awtoritajiet bankarji Ewropej.

Għandhomx allura dawn l-istess banek iwegħdu – jew jiġu mġiegħla – li ma jħallsux profitti lis-sidien tagħhom qabel sena u nofs oħra? Ma tagħmilx sens li huma jingħataw appoġġi finanzjarji kbar biex imbagħad, jgħaddu parti mill-flejjes li jwarrbu minħabba f’dan, lis-sidien tagħhom.

Mhux kulħadd jaqbel. Fuq quddiem nett, il-gvernijiet infushom tal-Istati Ewropej. U ssib min jgħid li l-għajnuniet mogħtija lill-banek, mhumiex hemm għall-benefiċċju tagħhom, imma biex ikunu jistgħu jagħtu appoġġ lill-attività ekonomika għaddejja fl-Ewropa u ma jħalluhiex tiżvina għal kollox.

Kulħadd għandu parti raġun u parti żball f’din il-biċċa.

***

Qed isegwu r-regoli?

Qed nisma’ wisq stejjer dwar nies u stabbilimenti li qed jinjoraw ir-regoli li suppost jinsabu viġġenti dwar kif in-nies iġġib ruħha ma’ ħaddieħor u kif il-klijenti jintlaqgħu meta jidħlu f’ħanut.

Biex inkun ċar: personalment ma rajtx dawn l-abbużi isiru. Ftit qgħadt indur postijiet, ħlief għall-bżonn. Imma impressjonajt ruħi bil-għadd ta’ persuni li lmentaw miegħi b’li qed jaraw madwarhom. Uħud minnhom, forsi di natura, huma ftit pittmi. Il-maġġoranza le.

Ikun żball jekk waqt li qed nagħmlu minn kollox biex nersqu lejn in-“normalità”, ninsew is-salvagwardji kontra x’jista’ jreġġa’ ħin bla waqt l-arloġġ lura lejn l-aqwa tal-kriżi tal-pandemija.

***

Moda

Il-moda teżisti f’kollox – mhux biss fis-sabiħ u l-attrajenti, imma anke f’oġġeiti ta’ dwejjaq, imdardra… bħall-iskart. Anzi, kull żmien jintgħaraf ukoll mill-iskart li l-aktar isir moda matulu. Hekk talanqas qalli ħabib tiegħi.

Stedintu jfisser ħsiebu. Qalli: Pajjiżna baqa’ nieqes mill-indafa publika aktar milli nixtequh ikun. U forsi ħafna aktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, dak li ssib mitfugħ jew mormi fit-toroq juri f’liema stadju ta’ żvilupp inkunu wasalna…

Kien hemm żmien pereżempju meta ma’ kullimkien, mal-art fit-toroq kont issib kaxxi tas-sigaretti mgħaffġa, imbagħad kaxxi tal-kartun u boroż li fihom jinbigħu l-hamburgers ta’ Macdonald.

Fi żmenijiet oħra kont issib kondoms u labar għall-injezzjoni tad-droga jiġru mas-saqajn.

Ikun hemm żmenijiet meta mal-art jinfirxu karti kollha lwien ta’ kandidati politiċi. L-elezzjonijiet ikunu magħna.

Illum li ssib l-aktar mitluqa mal-art, huma l-maskri li tilbes meta tidħol f’ħanut.

Share With: