Il-bejgħ tal-club ta’ Newcastle viċin li jiġi approvat

Il-ftehim ta’ takeover, issapportjat mill-Fond ta’ Investiment Pubbliku tas-Sawdi Arabja, huwa viċin li jkun approvat.

Il-Kampjonat Premier fl-Ingilterra qatta’ l-aħħar xahrejn jiddeċiedi jekk japprovax ftehim ta’ £300 miljun għall-Magpies.

It-takeover huwa mmexxi min-negozjanta, Amanda Staveley, u jinkludi lill-Prinċep Mohammed bin Salman bi Newcastle huma mistennija li jkunu wieħed mill-aktar clubs sinjuri fid-dinja jekk jintaħaq il-ftehim.

Kien hemm kontroversja kbira madwar dan il-ftehim bil-World Trade Organisation tgħid li s-Sawdi Arabja tinsab wara servizz ta’ xandir satellita li jinvolvi piraterija u joffri aċċess illegali għal avvenimenti sportivi.

Madankollu kollox qed jindika li l-ftehim bejn iż-żewġ naħat se jkun konkluż dalwaqt. Ħafna qed jistennew lill-manager preżenti ta’ Newcastle Steve Bruce jħalli lill-club ladarba ssir it-takeover, għalkemm huwa jixtieq jibqa’.

“Jien partitarju ta’ Newcastle u dejjem se nkun,” qal Bruce. “Dak li huwa tal-akbar ġid għall-club ikun l-aħjar għalija wkoll iżda jekk se jun hemm takeover u jien nista’ b’xi mod ngħin lil Newcastle, inkun kuntent li nibqa’ fit-tmun tat-team.”

“Huwa xogħol diffiċli. Iżda nittama li ngħin lil dan il-club kbir ikompli jimxi ‘l quddiem. Min kien se jieħu post Rafa Benitez hawnhekk bħala manager kien jaf li kien se jkollu żmien diffiċli.”

“Jien ma kont taħt l-ebda illużjonijiet iżda, tkun xi tkun in-negattivitá madwari, il-maġġoranza vasta tal-persuni li niltaqa’ magħhom fit-triq juru rispett kbir lejja u jawgurawli l-aqwa affarijiet għall-futur tiegħi.”

Share With: