Il-biljetti li ħallast għalihom

Minn ALFRED SANT

Il-konsumaturi għandhom raġun. Ħallsu għall-biljetti tal-ajru tagħhom, it-titjiriet ma sarux, u baqgħu ma ħadux lura l-flus li ħallsu. Hemm regolament Ewropew li jgħid li meta jiġri hekk, il-linja tal-ajru għandha tirrifondi l-flus imħallsa.

Dan baqa’ ma ġarax. Qam l-argument, anke f’Malta, li l-passiġġieri frustrati għandhom jirċievu minflok, vouchers li bihom ikunu jistgħu jtiru fiż-żmien li ġej bħala kumpens għall-vjaġġ li tilfu. Ir-regolament Ewropew ma jipprevedix dil-ħaġa. Imma xorta waħda, anke fuq il-kwistjoni tal-vouchers, ħafna konsumaturi baqgħu iġġammjati.

Il-verità hi li l-linji tal-ajru tant jinsabu msallba bil-kriżi tal-corona virus li ħafna minnhom għadhom iferfru għax il-gvernijiet għaddewlhom krozzi finanzjarji qawwija. Kemm huma u kemm il-gvernijiet li qed jgħinuhom qed isibuha iebsa li jagħtu l-flus lura għax il-gwaj finanzjarju tal-linji tal-ajru jiżdied.

Jibqa’ l-fatt li l-konsumaturi ħarġu l-flus mill-but biex jixtru servizz li baqa’ ma ngħatalhomx.

***

FIDUĊJA U PRUDENZA

Hekk kif ikomplu jiġu rtirati l-miżuri li bihom pajjiżna ssakkar ġewwa ħalli jilqa’ għall-pandemija tal-corona virus bilfors jiżdied u bir-raġun, is-sens ta’ fiduċja li l-agħar għadda.

Irridu nżommu quddiem għajnejna madankollu l-vantaġġi li kellna. Bħala gżira żgħira, stajna ningħalqu miċ-ċaqliq ta’ persuni li baqa’ għaddej f’pajjiżi akbar u bi fruntieri twal fuq l-art. Għalhekk qed tkun ħasra li l-miżuri ta’ prudenza qed jintelqu malajr wisq.

It-test kbir jiġi meta jinfetħu l-fruntieri tagħna bil-ftuħ tal-ajruport għad-destinazzjonijiet kollha. Jekk il-prudenza tintesa u nimportaw xi każ jew tnejn tal-imxija, l-istorja terġa’ tibda mill-ġdid.

Ħadd ma jrid dan. Jagħmel sens li waqt li nsostnu l-fiduċja, ma nwarrbu xejn mill-prudenza.

***

MISTOQSIJIET DWAR ID-DIĠITALI

Bla waqfien, nisimgħu dwar kemm se jsir dejjem aktar importanti l-qasam diġitali fil-ħajja tagħna. L-Unjoni Ewropea għamlet id-diġitalizazzjoni fattur ewlieni fil-ħidma tagħha għas-snin li ġejjin, tant li jħabbatha mal-priorità li trid tagħti lill-ħidma għat-trażżin tal-bidla fil-klima.

Bħal ħaddieħor, jien ukoll inqis is-settur diġitali bħala wieħed ta’ importanza vitali li rridu insaħħuh fostna bla waqfien.

Imma b’żewġ mistoqsijiet dwaru li ħabib għamilli, ħallieni ma nafx kif inwieġeb. It-tnejn kellhom x’jaqsmu b’xi mod mal-edukazzjoni. Dawn huma:

Bl-iżvilupp diġitali, se jsir għal kollox bla ħtieġa li t-tfal jitgħallmu kif jiktbu bil-id, la se nkunu qed nużaw bħala mezz tal-kitba it-tastiera ta’ kompjuter?

Bl-istess mod, it-tagħlim tal-aritmetika… li qabel kien isir b’ħafna taħriġ u repetizzjoni: se jitneħħa għal kollox la t-tfal ikollhom bħala l-aktar ħaġa naturali fid-dinja, il-magni diġitali biex dak li jridu jagħmlu ħalli jgħoddu u jimmoltiplikaw, jgħoddulhom u jimmoltiplikawulhom huma?

Share With: