“Il-COVID-19 m’għandhiex tkun skuża biex jitnaqqsu s-servizzi bankarji għall-konsumaturi”

Jitkellem l-Ewro Membru Parlamentari Alfred Sant

L-ewroparlamentari Laburista Alfred Sant appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li jinżamm livell adegwat ta’ servizzi bankarji għall-konsumaturi u biex tevita l-użu tal-pandemija COVID-19 bħala skuża biex jitnaqsu dawn is-servizzi.

F’ mistoqsija parlamentari mressqa fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant qal li ċ-ċittadini tal-UE ilhom jesperjenzaw tnaqqis fis-servizzi bankarji fil-livelli kollha b’mod partikolari għad-detriment tal-konsumaturi bi dħul baxx u tal-pensjonanti.

Il-pandemija COVID-19 kkawżat b’mod ċar it-tnaqqis tas-servizzi bankarji u l-Kummissjoni Ewropea teħtieġ tispjega kif qed taġixxi biex tiżgura li l-pandemija ma tintużax mill-banek biex tnaqqas is-servizzi għall-konsumaturi b’mod permanenti.

Alfred Sant staqsa wkoll lill-Kummissjoni jekk hux qed tikkunsidra li tibda sistema ta’ kondizzjonalità għall-għajnuna mill-Istat għal banek li twassal biex il-banek li jirċievu din l-għajnuna jkunu obbligati jżommu l-livell tagħhom ta’ servizzi bankarji.

Il-mistoqsija parlamentari qed titressaq fl-istess ħin meta l-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew qed jippreżenta emenda plenarja dwar l-istess suġġett fuq parir ta’ Alfred Sant. 

L-emenda plenarja hija mressqa għar-Rapport Annwali dwar il-Kompetizzjoni li se jiġi vvutat il-ġimgħa d-dieħla fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew. Din tappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-banek li jirċievu għajnuna mill-istat għandhom ikunu obbligati jżommu s-servizzi bankarji għall-konsumatur  b’mod sħiħ u ma jitħallewx jużaw il-kriżi Covid-19 bħala skuża biex inaqqsu dawn is-servizzi b’mod permanenti.

Fil-kuntest tar-Rapport Annwali dwar il-Kompetizzjoni, Alfred Sant ressaq numru ta’ emendi fosthom waħda li tipproponi li l-għajnuna mill-Istat lill-banek tkun akkumpanjata minn obbligu li jipprovdu servizzi lil klijenti “żgħar”, fl-aħħar mill-aħħar liċ-ċittadini tal-UE.

Share With: