Il-familja prijorità assoluta

Miktub mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon

Tul iż-żminijiet kellna ħafna mumenti li nisġu u li taw identita’ lill-Gżira Maltija, iżda persważ illi din il-ġimgħa assistejna għal episodju ieħor li se jibqa’ mfakkar għal snin twal fl-istorja ekonomika ta’ Malta. Qed nirreferi għall-pjan ta’ riġenerazzjoni illi dan il-Gvern propona u li se jkun qed iwettaq fil-jiem u fix-xhur li ġejjin. Pjan li jlaħħaq investiment ta’ €900; u hawn qed nagħżel illi nsejjaħlu investiment għax dawn il-flus se jerġgħu jinjettaw il-ġid lejn ekonomija b’saħħitha, illi gawdejna tul l-aħħar snin.

F’dan il-pjan erġajna rajna tispikka ir-ruħ soċjali ta’ Gvern Laburista b’għeruq soċjalisti, illi jagħżlu li jippremjaw liż-żgħir u l-batut u fl-istess ħin jinċentivaw l-ekonomija ħalli nagħtu garanzija illi jkollna impjiegi ta’ kwalità u li dawn ikunu sostennibli. Iltqajt ma’ ħafna persuni, fejn minn qalbhom irringrazzjaw lill-Gvern ta’ dawn l-inċentivi. 

Semmewli il-voucher ta’ €100 għal kull persuna ‘l fuq minn 16-il sena u fi kliemhom qalu li din se tfisser €400 fil-but, għal familja t’4 persuni. Miżura li weħidha se tiswa’ €34 miljun. Minn dejjem għedna li mhux se nixxaħħu mal-poplu Malti u Għawdxi, illi tant stinka biex wasalna fejn qegħdin illum. Nifhmu l-isfidi li għaddew minnhom il-familji tul il-pandemija. Piżijiet finanzjarji, iktar stress relatat mal-familja u anke tensjonijiet illi qabel forsi qatt m’eżistew.

Għalhekk iridu nġibu lura dak illi tlifna, u qegħdin noffru opportunita’ sabiex il-familji jerġgħu joħorġu u jgawdu flimkien. Fl-istess waqt illi qegħdin nagħtu aktar flus fil-bwiet tal-familji tagħna, se nkunu qed nagħtu wkoll spinta tant bżonnjuża lil kummerċ lokali.   Is-sostenn mogħti se jlaħħaq it-€300 miljun lill-familji u lin-negozji ta’ pajjiżna. 

Dan il-budget multi-miljunarju ħaseb ukoll sabiex jerġgħu jissaħħu il-miżuri dwar l-inwork benefit, fejn issa se jiżdiedu i-rati għal kull wild. Minbarra dan se nagħtu wkoll suppliment speċjali lil kull familja ta’ €250. Dan hu il-benefiċċju li ħadem tant tajjeb fl-aħħar snin taħt Amminstrazzjoni Laburista,  għal dawk il-ġenituri li għandhom tfal taħt it-23 sena. B’din il-miżura, ġenitur saħansitra jista’ jibbenefika minn total ta’ €1,350 għal kull wild.

Ejja ma ninsewx ukoll minn fejn tlaqna, fejn sa mill-bidu nett tal-pandemija, il-Gvern daħal b’ruħhu u ġismu għall-eluf ta’ persuni illi kellhom l-impjieg tagħhom affetwat minħabba l-Covid-19, jew illi nkella ma setgħux imorru fuq il-post tax-xogħol, minħabba t-tfal, jew għal raġunijiet mediċi. Tul dan iż-żmien, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, flimkien ma’ Ministeri oħra, kien strumentali sabiex provda pagamenti kull ġimgħa lil dawn il-persuni affetwati. Filfatt il-pagament għall-ġenituri kien estiż ukoll sa’ Lulju li ġej. Bħala Ministeru, u dan flimkien max-xogħol kollu l-ieħor, tul dawn il-ġimgħat assistejna 7,569 benefiċċjarju bi spiża sa issa ta’ €11.76 miljun.     

Ħbieb, se nibqgħu kommessi li nibnu fuq l-ekonomija b’saħħitha illi kellna. Kien hemm min ħaseb li dak li bena l-Gvern kien se jisfuma f’dawn l-aħħar xhur ta’ sfida. Iżda le, erġajna tajna garanzija li mhux se jkun hemm l-ebda taxxa fuq il-poplu, u dan filwaqt li komplejna nraħħsu l-fjuwil bħala parti minn dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.

Il-familji huma l-qalb ta’ dan il-pajjiż, illi iktar ma’ jgħaddi ż-żmien, qed ikun t’għira għal pajjiżi ferm ikbar minna u li tradizzjonalment gawdew minn ekonomiji ferm ikbar. Dan il-ġid illi qed naraw illum, huwa kollu grazzi għall-bżulija u r-reżiljenza tagħna lkoll. Flimkien se nkomplu niksbu aktar suċċessi. Ejja nżommu għaqda soda għall-isfidi tal-futur!

Magħqudin flimkien, naslu !

Share With: