Il-Ġelat

Minn Roxanne Mangion Explainer, Esplora

Is-sajf qiegħed wara l-bieb u ma jonqsux ukoll is-sħana u t-temperaturi għoljin li jġib miegħu dan l-istaġun. U kif nistgħu ninsew iż-żieda fl-ammont ta’ ġelat li nieklu matul dawn it-tliet xhur li ġejjin? M’għandi l-ebda dubju li ħafna minnkom tkunu lkoll ħerqana għal xi ġelat frisk wara xi għawma f’waħda mill-bajjiet sbieħ li jdawru l-gżejjer ta’ Malta u Għawdex. 

Qatt immaġinajtu li l-ġelat jista’ jsir biss bis-saħħa tax-xjenza? Filfatt, il-ġelat huwa magħmul minn taħlita ta’ żewġ likwidi li fin-natura tagħhom ma jitħalltux flimkien. Minflok, wieħed mil-likwidi huwa mxerred fil-likwidu l-ieħor. Fil-każ tal-ġelat, il-molekoli tax-xaħam huma mxerrda mal-ilma, maz-zokkor, mal-kristalli tas-silġ, u mal-bżieżaq tal-arja. 

Il-preżenza tal-arja hija importanti għax din tagħti togħma lill-ġelat kif ukoll tagħmlu  aktar magħqud. Mill-banda l-oħra, il-molekoli tax-xaħam u taz-zokkor jagħtu togħma ħelwa lill-ġelat. Minħabba li l-ġelat niekluh kiesaħ, huwa importanti li l-ammont ta’ zokkor miżjud ikun għoli biżejjed biex aħna ntiegħmu l-ġelat ħelu fit-togħma. Dan tal-aħħar isir minħabba l-fatt li l-kesħa tnaqqas is-sensittività ta’ lsienna għat-togħma ħelwa. Mill-banda l-oħra, il-kristalli tas-silġ jagħmlu lill-ġelat aktar kremuż biex jittiekel.

Aħna lkoll nafu li hemm diversi tipi ta’ ġelat. Fost dawn insibu: ġelat li huwa aktar artab u kremuż biex jittiekel mill-ġelat tradizzjonali jew l-aktar komuni; il-custard iffriżat, u l-jogurt iffriżat. Dan tal-aħħar huwa meqjus li jagħmel aktar ġid għas-saħħa tagħna għax fih anqas xaħam u zokkor miżjud. Apparti minn hekk, huwa faċli ħafna biex tagħmlu d-dar! Kull ma għandek bżonn huwa: jogurt mingħajr togħma; frott staġjonali bħal ngħidu aħna frawli, ħawħ, nuċipriska, għeneb, u għanbaqar; u għasel. Itfa’ l-ingredjenti kollha ġo proċessur tal-ikel u ħawwad sakemm l-ingredjenti jitħalltu u tifforma qisha krema. Waddab it-taħlita fil-friża u oħroġha meta tkun kesħet biżżejjed.

Probabbli kollha ġieli nnutajtu li meta nieħdu ġelat ikollna aptit nieħdu ieħor u ieħor u ieħor… tgħid għalxiex hux? Qatt ma immaġinajt li dan ukoll jiġri minħabba x-xjenza. Mhux ta’ b’xejn li l-Mami dejjem tgħidli biex ninteressera ruħi aktar fix-xjenza! Diversi studji xjentifiċi juru li meta aħna nieħdu ġelat, il-moħħ jibgħat messaġġi madwar ġisimna kollu u nibdew inħossuna ferħanin u f’burdata tajba. Minħabba li nħossuna tajjeb, nagħtu anqas kas ta’ kemm kilna ġelat u nħossu li aktar kemm nieklu aktar jinfetaħ l-aptit għall-ġelat. 

Barra minn hekk, kull meta aħna nieklu l-ġelat u  dan imiss mas-saqaf ta’ ħalqna, donnu nħossu l-kesħa tielgħa għal rasna! Dan jiġri minħabba l-fatt li l-ġelat tant ikun kiesaħ li meta l-kesħa tasal fil-moħħ, dan jibgħat messaġġi mal-ġisem kollu u nħossu dehxa bard. Din hija r-raġuni għalfejn aħna nieklu aktar ġelat fis-sajf milli fix-xitwa. Sfortunatament, illum ħa jkolli nħallikom għax għadu kemm ġie l-vann tal-ġelat u waqgħatli żaqqi!

Share With: