Il-Gvern Ingliż imfittex għad-danni dwar qtil ta’ anzjani fid-djar tal-kura

Mara li kellha tagħti l-aħħar tislima lil missierha minn wara ħġieġa f’dar tal-kura tal-anzjani fl-Ingilterra qiegħda tfittex lill-Gvern minħabba l-mewt tiegħu. 

Jidher li missier Cathy Gardner, Michael Gibson ta’ 88 sena, miet b’kawżi relatati mal-COVID-19 fit-3 ta’ April. Fil-każ tagħha, hi qiegħda takkuża lill-Gvern Ingliż li kiser il-liġi meta espona eluf ta’ residenti fid-djar tal-anzjani għal ħafna tbatija. 

Id-Dipartiment tas-Saħħa u l-Kura Soċjali qal li ma jistax jikkummenta dwar dan il-każ minħabba l-proċeduri legali li jinsabu għaddejjin. 

Gardner qalet li l-mewt ta’ missierha kien parti minn “diżgrazzja nazzjonali”. Żiedet ukoll tgħid li l-każ tagħha kien dwar kulħadd, fosthom residenti fid-djar tal-kura, il-ħaddiema u anke l-familji ta’ dawk li tpoġġew f’riskju jew inkella mietu. 

Aktar minn 14,000 persuna mietu bil-Coronavirus fid-djar tal-kura fl-Ingilterra u f’Wales sa minn meta bdiet il-pandemija. 

Il-Gvern Ingliż iffaċċja kritika għall-politiki li ħallew pazjenti li tħallew jiddaħħlu fi djar tal-kura mill-isptarijiet, mingħajr ma ġew ittestjati għall-COVID-19. 

Share With: