“Il-Gvern qed juża’ l-flus tal-poplu biex jaħbi l-verità … Xerrdu l-messaġġ tal-PN”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern qed iħallas u juża’ l-flus tal-poplu biex jaħbi l-verità. Huwa qal dan meta kien intervistat fuq Net Television b’referenza għal ‘wrapper’ li intużat mill-gazzetti kollha ħlief għal ġurnal tal-Partit Nazzjonalista.

“Aħna mhux se ninxtraw mill-Gvern. Il-Gvern qed jipprova biex dak li huwa ikrah jgħattih b’wrapper li huwa sabiħ biex jgħerreq lil dawk l-ilħna l-oħra.” qal Delia filwaqt li żied jgħid li l-gvern huwa f’disperazzjoni għall-poter b’mod li qatt ma rajna f’pajjiżna. 

“Il-Partit Nazzjonalista mhux se jiskot quddiem din ir-realtà. Il-leħen tagħna se jibqa’ jissaħħaħ u jikber. Isimgħu l-messaġġ tagħna, aqraw il-ġurnali tagħna. Xerrdu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista,”qal Delia filwaqt li qal li jekk hawn partit li jaħdem favur id-dinjità u favur il-poplu, dak huwa l-Partit Nazzjonalista.

Delia tkellem ukoll dwar l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fejn staqsa għalfejn il-Prim Ministru Robert Abela ma keċċihx minnufih wara l-allegazzjonijiet li ħarġu. Fl-istess waqt, Delia żied jgħid, “Għandna Deputat Mexxej fil-Gvern li għadu kif iltaqa’ miegħu l-ġimgħa li għaddiet. L-allegazzjonijiet jafhom kulħadd. Għalfejn ma neħħihx minnufih?”

Delia wkoll irrefera għall-proċess tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid bħala “proċess fażul.” Huwa qal, “biex imbierek proċess fażul li m’għandu l-ebda validità, allura nkun qed nagħmel inġustizzja ma’ dak li rridu li jkun hemm, ċioe Korp tal-Pulizija li jixraq lill-poplu, li ma jħarisx lejn l-uċuħ u li jkun jista’ jaċċerta li ssir ġustizza fuq kulħadd. Niggarantixxu li jekk hemm partit li jista’ jassigura governanza tajba, dak huwa l-Partit Nazzjonalista.”

Share With: