Il-gvern se juża r-reġistru elettorali biex iqassam il-voucher imwiegħed fil-pjan ta’ riġenerazzjoni

Fi stqarrija maħruġa minnu l-gvern irrefera għal stejjer fil-mezzi tax-xandir dwar il-voucher ta’ €100 li l-gvern se jkun qed jibgħat lil min għandu 16-il sena u aktar hekk kif imħabbar fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika – Għada Aħjar.

Irid ikun ippreċiżat li, għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-gvern se jkun qed juża r-Reġistru Elettorali tal-Elezzjonijiet Ġenerali, li jinkludi l-maġġoranza assoluta tar-residenti f’pajjiżna, bħala l-pjattaforma li minnha jieħu l-indirizzi ta’ fejn se jintbagħtu dawn il-vouchers.

Dan il-voucher jirrappreżenta flus (mhux ċekk) li jistgħu jintefqu direttament fl-istabbilimenti li jikkwalifikaw ta’ pajjiżna. Għalhekk, il-gvern kellu jsib sistema sigura biex jitqassam dan il-voucher, bl-istess mod sigur li jitqassam id-dokument tal-vot.

Il-gvern jikkjarifika wkoll li, ma’ dawn l-indirizzi, hemm ukoll lista aġġornata ta’ detenturi ta’ residence documents skont id-database ta’ Identity Malta. Dawn il-persuni wkoll se jirċievu l-€100 voucher li l-gvern se jkun qed iqassam fil-jiem li ġejjin. 

Tajjeb jingħad li dawn il-vouchers se jitqassmu mill-kumpanija Maltapost fl-indirizzi indikati fir-Reġistru Elettorali u fid-database ta’ Identity Malta.

Share With: