“Il-kunsens għal att sesswali ma jingħatax darba għal dejjem”

Stupri li jseħħu fir-relazzjonijiet u ż-żwieġ … ċpar bejn sess b’kunsens u dak ta’ bla kunsens

Miktub minn CARMEN CACHIA

Suġġett kontroversjali li dwaru hemm opinjonijiet differenti u anke mistoqsijiet varji huwa dak tal-istupri li jseħħu fir-relazzjonijiet u fiż-żwiġijiet. Min-naħa għandek persuni li jistennew li jingħataw il-gratifikazzjoni sesswali mis-sieħba tagħhom b’mod regolari għax qabel diġà kellhom x’jaqsmu u min-naħa l-oħra għandek nisa li jsostnu li sfaw stuprati għax kellhom jissottomettu ruħhom għar-raġel anke jekk huma qalulu “le”. Dan is-sit tkellem ma’ Matthew Bartolo, psikoterapista u counsellor speċjalizzat fis-sess u r-relazzjonijiet, fejn spjega li l-kunsens għal xi tip ta’ att sesswali ma jingħatax darba għal dejjem u persuna għandha d-dritt tieqaf mill-att x’ħin trid. 

Bartolo, li huwa wkoll il-fundatur ta’ Willingness Team u Sex Clinic Malta wissa li, “iż-żwieġ mhuwiex kunsens. Meta koppja tiżżewweġ ma jfissirx li xi ħadd minnhom għandu d-dritt jagħmel sess meta jrid u jogħġbu huwa”. 

Din ir-realtà iebsa u vjolenti tinsab mhux biss bejn koppji miżżewġa, iżda wkoll f’koppji li jinsabu f’relazzjoni. Kelliem għall-Kurja qal li l-Knisja Maltija min-naħa tagħha tikkundanna bis-sħiħ l-istupru u kull forma ta’ abbuż ieħor għax dan huwa dejjem ħażin. L-Isqfijiet tagħna kemm-il darba tkellmu dwar dan u ħeġġew lill-vittmi jirrikorru għall-għajnuna.

It-terapista qalilna li l-kunsens ma jingħatax darba u jibqa’ applikabbli dejjem. Dan jiġifieri li billi mara tat kunsens għas-sess, jew xi tip ta’ sess il-bieraħ, ma jfissirx li llum għandek dritt tagħmel l-istess.  Eżempju li jiltaqgħu ta’ spiss miegħu fis-Sex Clinic Malta huwa ta’ koppji fejn il-mara tgħid iva biex jippruvaw s-sess anali. “Wara li jibdew, din forsi tweġġa’ jew jerġa’ jibdilha u titlob lis-sieħeb jieqaf. F’dan il-każ is-sieħed għandu jieqaf minnufih u dan anke jekk ikun wasal. Jekk huwa jkompli għaddej, ikun qiegħed jistrupra lis-sieħba jew mara tiegħu,” spjega Bartolo.

Dan il-professjonist qal li jekk persuna tagħti kunsens għal xi att sesswali però s-sieħeb jew sieħba jħoss li għandhu jibqa’ għaddej mingħjar ma javża, hemm m’hemmx kunsens lanqas.  

Att vjolenti mill-persuna li suppost tipproteġiha…

Bartolo qalilna li strupru f’relazjoni jagħmel ħafna ħsara lir-relazjoni u anke lill-koppja. Dan minħabba li l-att li jinħass vjolenti fuq il-vittma, ġej minn xi ħadd li jħobbha, suppost jipproteġiha u jseħħ ġo darha stess. Bħala riċerka, m’aħniex se nikkwotaw mhux għax m’hawnx biżżejjed biss, però għax dan it-terapista jemmen li dik li hawn mhix rapreżentattiva tar-realtà. 

“Nemmen li, sfortunatament, huma ħafna aktar il-każi minn dawk ikkwotati. Kemm il-persuna għamlet sess għax is-sieħeb jew is-sieħba daħlet d-dar xurbana jew fuq il-kokaina? Kemm il-persuna ħasset li għandha tagħmel biex tevita l-geddum għal xi jumejn sħaħ? Kemm il-persuna waqt li kienet fl-iktar mument intimu kellha tipperswadi lis-sieħeb jilbes condom?” kompla Bartolo.

Huwa qal li interessanti mmens huwa r-riżultat li ħareġ minn riċerka li saret  fir-Renju Unit dwar l-attitudni u informazjoni dwar dan it-tip ta’ strupru. Minn dan l-istudju rriżulta li terz tal-anzjani ma jħossux li meta raġel jisforza lilu nnifsu fuq martu, dan huwa strupru.  Barra minnhekk, 16% taż-żgħażagħ bejn is-16 u l-25 sena, jaqblu ma’ dan. “Dan juri li fadal ħafna xogħol xi jsir dwar l-għarfien dwar sesswalità u s-sess,” jinnota mħasseb il-counsellor.   

Messaġġi żbaljati mill-films…

Bartolo jemmen li films bħal “50 Shades of Grey” u “365” għamlu ħafna ħsara lill-idea ta’ passjoni u sesswalità.  “Huwa normali li fis-sesswalità persuna tesprimi passjoni, però dan ma jfissrix li għandhu l-jedd li jkun vjolenti. Passjoni hija meta persuna tħoss ġibda u anke xi ħjiel ta’ aggressjoni lejn is-sieħba jew sieħeb tagħha. Bħal meta ngħidu “x’nagħmillek!”; “kemm nigdmek!”; “inqattgħek!”  Vjolenza hija meta wieħed jew waħda tweġġa’ jew tisforza ruħha fuq persuna oħra mingħajr il-kunsens,” kompla t-terapista.

Dawn iż-żewġ films jagħtu l-impressjoni li vjolenza hija turija ta’ passjoni iżda Bartolo ċċara li wieħed jista’ jkun appasjonat u anke aggressiv mas-sieħeb jew sieħba tiegħu, mingħajr ma jagħmel ħsara lir-relazzjoni. Dan billi l-koppja titkellem dwar x’inhuwa aċċettabli u x’mhuwiex waqt l-intimità. 

“Nemmen li s-sesswalità hija spazju fejn il-koppja tagħżel li tidħol biex taqsam mument speċjali u ta’ pjaċir.  Tkun ta’ ħsara lill-intimità tal-koppja jekk anke f’mument daqsek intimu u vulnerabbli, jidħol il-poter u l-manipulazzjoni. Nemmen li s-sess u sesswalità bejn il-koppja jistgħu jintużaw biex ikejlu anke r-relazzjoni.  Jekk anke f’dan il-mumenti persuna tagħżel li tikkastiga oħra billi ċċaħdu, inkella tisforza lilha nfisha fuq is-sieħba, allura ta’ min wieħed jistaqsi hiex relazjoni sigura għall-koppja,” spjega Bartolo.  

Huwa qal li s-sess jista’ jkun spazju fejn persuna titlob maħfra lill-oħra; fejn persuna tista’ taħfer lill-oħra; u fejn persuna tista’ turi li taċċetta lis-sieħba jew lis-sieħeb bid-difetti kollha. “Is-sess huwa l-uniku spazju fejn koppja tagħti lilha nfisha lil xulxin mingħajr ebda xinxilli u tiżjin żejjed. Jekk f’dak il-ħin is-sieħeb jew sieħba tiegħek ma ġġegħlekx tħossok sigur, allura nistiednek tirrifletti naqra jekk din hiex ir-relazzjoni għalik,” wissa l-psikoterapista. 

“Biex insaħħu l-LE rridu nsaħħu l-IVA”

Bartolo però ried jenfasizza wkoll żewġ punti importanti dwar is-sess bejn il-koppji. L-ewwel punt huwa dak fejn jisħaq fuq l-importanza li persuna tkun ċara daqs il-kristall meta verament trid jew ma tridx ikollha rapport sesswali. Huwa qal li hemm “logħba” li qiegħda toħloq ċpar bejn sess b’kunsens u dak ta’ bla kunsens. 

Eżempju li jiltaqgħu miegħu ta’ spiss bħala professjonisti huwa sitwazzjoni ta’ koppja ġo karozza. Meta ġuvni jaqbad ma’ tfajla u hija timbottalu idu iżda jkompli u tgħidlu, “le x’mistħija” huwa jkompli u jkollhom rapport sesswali. Wara, mgħannqin fil-karozza, tgħidlu li ħadet pjaċir u jsaqsiha jekk riditx tgħidlu iva però tistħi u ma riditux jaħseb li hija mara baxxa minħabba li jkollha aptit. 

It-terapist qal li dan huwa każ tipiku f’soċjetà fejn ġejna mgħallmin li r-raġel dejjem irid u l-mara li jkollha aptit hija mara baxxa. Huwa qal li l-problema ta’ din il-logħba hija li dakinhar li vera mara ma tkunx trid, għar-raġel dan il-messaġġ mhux se jkun ċar għax mhux se jkun jaf jekk hiex il-“logħba” tas-soltu jew li vera hija ma tridx. Huwa proprju għalhekk li dan il-professjonist jisħaq li biex verament insaħħu l-“le”, irridu nsaħħu l-“iva”. 

Il-counsellor saħaq li, “jekk mhux se ngħallmu lit-tfajliet ikunu aktar liberi li jammettu li jogħġobhom is-sess u jgħidu meta għandhom aptit, se nkomplu nċajpru s-sess b’kunsens minn dak ta’ bla kunsens.

Mhux sew li f’każi esklussivi jkun hemm waqfien għal tul ta’ żmien

It-tieni punt huwa li Bartolo jemmen li ladarba koppja jwegħdu esklussività lil xulxin, dawn ikunu qegħdin jieħdu responsabbiltà tal-aspett tas-sesswalità ta’ xulxin ukoll.  “Mhux sew li wieħed iwiegħed esklussività u mbagħad għax huwa ma jkollux aptit iħalli lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħu frustrat u jħossu riġettat għal tul ta’ żmien bla ma jipprova jagħmel ħiltu,” sostna dan il-counsellor. 

Huwa ta eżempju li bħallikieku koppja twiegħed lil xulxin li se jieklu biss l-ikel li jsajru jew jippreparaw huma u staqsa: sew li min jaqbdu l-ġuħ darba biss kuljum ma jsajjarx għall-ieħor darbtejn oħra, speċjalment, jekk ma jieħux pjaċir li l-ieħor jagħmel toast waħdu? 

Fuq din in-nota riflessiva Matthew Bartolo għalaq billi qal li, “meta ngħid li wieħed għandu jagħmel ħiltu qiegħed ngħid li jekk persuna tħoss li qiegħda titgħażżen fejn tidħol is-sesswalità u anke l-iġene personali, din għandha tagħmel ħilitha ħalli żżomm il-ħajja sesswali għaddejja”.  

Share With: