Il-midja soċjali

Minn ALFRED SANT

Saru jiddeterminaw kif ħafna nies iġibu ruħhom għax jispiċċaw impressjonati b’kemm hemm individwi li huma lesti biex jisparlaw dwar dak u dwar l-ieħor mingħajr ebda prudenza. Jidher li l-ammont ta’ messaġġi b’insulti u tmaqdir personali qiegħed dejjem jiżdied, waqt li jiġbdu attenzjoni “kbira” stqarrijiet kollha preġudizzji u informazzjoni żbaljata, speċjalment dwar immigranti u nies ta’ kulur.

Nemmen li din l-importanza qiegħda hemm, għax tingħata. Jekk wieħed jinjora l-qrid tal-fanatki, jibqa’ fosthom. Huma jammontaw għal ftit eluf.

Il-midja soċjali huma għodda meraviljuża biex nikkomunikaw bejnietna. Imma daqstant ieħor tista’ tkun perikoluża jekk tavvelenaha bi kliem ta’ ħdura u mibegħda lejn ħaddieħor. B’xorti ħażina, jidher li mexjin fit-tieni triq.

Mhi l-ebda konsolazzjoni li dan mhux qed jiġri biss f’pajjiżna. Oħrajn akbar sew minnha, jinsabu qabilna fiha.

***

GĦADU MAGĦNA

Ħafna kienu ħasbu li t-telenovela tal-Brexit intemmet bil-ftehim li ntlaħaq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea fl-aħħar tas-sena li għaddiet dwar kif tal-ewwel se joħroġ minn tat-tieni.

Mentri mhux hekk. Veru li r-Renju Unit ħareġ, imma dwar ir-rabtiet li se jkollu għall-quddiem mal-Unjoni Ewropea, n-negozjati kienu għad iridu jsiru. Qed ikunu iebsa ħafna. Iż-żewġ naħat baqgħu jagħmlu minn kollox biex kull fejn jistgħu, jiġbdu kollox għal xawwathom.

It-tnejn jisħqu li għandhom raġun. Bl-ebda mod sa issa ma urew li lesti jagħmlu xi kompromess. Jekk ma jsirux kompromessi miż-żewġ naħat, in-negozjati żgur ifallu.

Il-materja kollha hi vitali. Nuqqas ta’ ftehim x’aktarx iwassal biex l-ekonomiji Ewropej, barra mid-daqqa li tathom l-imxija tal-corona virus, ikollhom jaffaċċjaw aktar tfixkil ekonomiku li f’daż-żminijiet jistgħu jgħaddu mingħajru.

***

IMPRIŻI Ż-ŻGĦAR MHEDDA

L-eżistenza tal-impriżi ż-żgħar u mezzana tinsab mhedda mal-Ewropa kollha. Bil-mod kif nixfilhom il-bejgħ, spiċċaw mingħajr l-ossiġenu finanzjarju li jżommhom għaddejja minn xahar għal xahar fil-ħidma tagħhom. Bl-għajnuna tal-gvernijiet, il-banek baqgħu jippompjawlhom il-flus li bihom jistgħu jkomplu jieħdu n-nifs.

Imma din hi operazzjoni delikata. Ma tistax tibqa’ tinżamm wisq fit-tul. U taf tiġi spiża għolja, kemm għall-banek, kemm għall-impriżi ż-żgħar.

Għal li ġej, m’hemmx alternattiva ħlief li gvernijiet u banek ikomplu jsostnu lill-impriżi ż-żgħar. Hu għalhekk li l-gvernijiet kollha fl-aħħar ġimgħat raw kif se jagħmlu biex jiftħu l-bibien, akkost ta’ ċerti sogri għas-saħħa taċ-ċittadini. Hekk jew hekk, dawn kienu bdew jiddejqu bis-sikkatura.

Biss jekk l-imxija tal-corona virus terġa’ titlaq tirrombla bil-kbir, l-ewwel vittmi ekonomiċi jkunu x’aktarx l-impriżi ż-żgħar. Dil-ħaġa ma tintqalx ta’ spiss, imma huma jikkostitwixxu s-settur li l-aktar jipprovdi impjiegi mal-Ewropa kollha, inkluża Malta.

Share With: