Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol iżur il-proġett ta’ €5 miljun għat-tkabbir u modernizzar tal-Iskola Sekondarja fiż-Żejtun

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dr Owen Bonnici, żar l-iskola Sekondarja taż-Żejtun fejn qed isir proġett ta’ tkabbir u modernizzar bis-saħħa tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada b’investiment ta’ madwar €5 miljuni

L-Iskola Sekondarja taż-Żejtun se tkun estiża billi jinbena sular fuq kull blokka eżistenti tal-iskola. Permezz ta’ din l-estensjoni, mifruxa fuq aktar minn 2,500 metru kwadru, se jkunu qed jiżdiedu 13-il klassi normali, kif ukoll 8 laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, 2 klassijiet għall-home economics, u klassijiet għall-Inġinerija u d-Disinn. 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-FTS li huma nvoluti f’dan il-proġett kbir. Il-Ministru Bonnici qal li, “aħna bħala Gvern kommessi li ntejbu ħajjiet l-istudenti tagħna sabiex huma jħarsu lejn l-edukazzjoni bħala fattur determinanti fil-bini tal-futur tagħhom stess. Bis-saħħa tax-xogħlijiet li qegħdin isiru qed naraw iktar skejjel li jimxu ‘l quddiem.”

Il-Ministru Bonnici żied jgħid li, “dan qed isir bil-għan li ntejjbu l-ambjent skolastiku biex l-istudenti jieħdu gost fil-ħin li jqattgħu fiżikament fl-iskola. Kulħadd jieħu gost jidħol f’post sabiħ u attrezzat u kkulurit, kemm l-għalliema u l-edukaturi tagħna, kif ukoll l-istudenti. Għalhekk napprezza u nirringrazzja lil kull persuna li hija nvoluta biex isir it-twettieq ta’ dan ix-xogħol għall-benefiċċju tas-sistema edukattiva tagħna.”

Il-Gvern fetaħ laboratorji u workshops fl-iskejjel Sekondarji kollha madwar Malta u Għawdex. Dan biex l-istudenti jingħataw l-opportunità li jitgħallmu u jitħarrġu f’suġġetti vokazzjonali differenti. Fost dawn is-suġġetti hemm: It-Teknoloġija tal-Informatika, l-Inġinerija, it-Turiżmu u l-Ospitalità, il-Kura tal-Ġisem u x-Xagħar, il-Media, it-Tessuti, l-Agribusiness, ir-Retailing u l-Health and Social care. 

Fis-sit tal-Iskola Sekondarja taż-Żejtun, fejn qed tiġi mmodernizzata l-iskola eżistenti, instabu fdalijiet ta’ barriera antika waqt sorvelljanza minn arkeologi iddelegati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Dawn il-fdalijiet possibilment jiffurmaw parti mill-kumpless ta’ Villa Rumana li kienet instabet fil-viċin fis-snin 60. Il-fdalijiet tal-Villa Rumana, li llum huma hija parti mill-kampus tal-iskola ilhom jiġu skavati minn arkeologi f’diversi kampanji ta’ studju inkluż f’dawn l-aħħar snin mid-Dipartiment tal-Istudji Klassiċi u Arkeoloġija tal-Università ta’ Malta. Din il-barriera se tkun inkorporata fil-proġett u se titgawda mill-istudenti tal-istess skola. 

Il-laboratorji għal suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel Sekondarji kollha setgħu isiru b’investiment li laħħaq madwar €10 miljuni.

Ix-xogħlijiet fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun qed isiru permezz ta’ investiment ta’ madwar €5 miljuni.

Share With: