Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici jniedi l-Prospett tal-Giovanni Curmi Higher Secondary għas-sena akkademika li jmiss

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici nieda l-prospett għas-sena akkademika li jmiss tal-Giovanni Curmi Higher Secondary.

Akkumpanjat mill-Kap tal-Higher Secondary Gaetano Calleja, il-Ministru Bonnici qal li, “Minn qalbi lqajt l-istedina li għamilli l-Kap tal-iskola għat-tnedija tal-Prospett għas-sena akkademika li jmiss. It-tagħlim post-sekondarju għandu l-iskop primarju biex jagħti aċċess lill-istudenti tagħna u jħejjihom għad-dinja tax-xogħol. Aħna bħala gvern dejjem konna kommessi li ngħinu kemm nistgħu lill-istudenti jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u nagħtuhom l-għodda neċessarja biex ikunu kapaċi jaħsbu b’mod indipendenti.”

L-edizzjoni li qed tinħareġ din is-sena hija kemxejn differenti mis-snin preċedenti billi tirrifletti ċ-ċirkostanzi partikolari li s-sena skolastika li qed tispiċċa għaddiet minnhom.

Il-Kap tal-iskola Gaetano Calleja spjega kif, “Ħsibna li nidħlu għall-proġett oriġinali biex nippromwovu kemm jista’ jkun it-tagħlim online, fejn l-istudenti ħadmu bis-sħiħ mid-dar fuq id-disinn tal-prospectus. Billi l-iskola kienet magħluqa u ma setgħux jittieħdu ritratti, ħsibna li b’mod diġitali, l-istudenti jpinġu lilhom nfushom, lil sħabhom, kif ukoll aspetti oħra tal-ħajja skolastika.”

Fil-Prospett, hemm lista tal-korsijiet kollha offruti, inkluż il-programmi ta’ edukazzjoni non-formali, li qed jiksbu suċċess minn sena għall-oħra. Fil-Prospett, hemm ukoll dettalji dwar ir-rekwisiti neċessarji biex wieħed jibda xi wieħed mill-korsijiet offruti mill-iskola.

Kopja tal-prospett tinkiseb mill-kunsilli lokali, l-Ministeru għall-Edukazzjoni jew mill-iskola. Wieħed jista’ isib ukoll kopja elettronika fuq il-website tal-iskola.


L-applikazzjonijiet jinfetħu f’nofs Lulju.

Share With: