Il-morda mhux b’Covid

Minn ALFRED SANT

Issa li kif jidher, l-awtoritajiet tas-saħħa rnexxielhom jagħmlu progress kbir fil-ġlieda kontra l-corona virus, tajjeb li jidderieġu aktar riżorsi lejn ċittadini li waqgħu lura fil-kura tagħhom, minħabba l-prijorità li ngħatat korrettement lit-trażżin tal-pandemija.

Din ukoll se tkun biċċa xogħol iebsa imma m’għandix dubju li bir-resiljenza murija sa issa, tista’ wkoll tintrebaħ. Qed jaffaċċjawha pajjiżi oħra li qed jgħaddu mill-istess esperjenzi bħalna. Tqajjem problemi etiċi  u maniġerjali iebsa daqs dawk tal-Covid.

Kif se tistabilixxi min għandu jingħata l-ewwel kura? Liema mard għandu jingħata priorità? X’sogri jistgħu jqumu ta’ infezzjoni ġdida bil-covid jekk aktar pazjenti vulnerabbli jersqu lejn l-isptarijiet? Kemm se jikbru l-pressjonijiet fuq l-istaff mediku fid-diversi dipartimenti ta’ tmexxija?

Is-servizzi tas-saħħa ġarrew sa issa responsabbiltajiet kbar. Għamlu dan b’suċċess. Jinsabu f’qagħda tajba biex isostnu das-suċċess għal li ġej.

***

KUNDIZZJONIJIET

Waqt id-diskussjonijiet għaddejjin fl-Unjoni Ewropea fl-aħħar ġimgħat dwar kif din se tagħti l-appoġġ tagħha għat-trażżin tal-pandemija u għall-isforz meħtieġ ta’ irkupru ekonomiku, instema’ ħafna diskors dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jitpoġġew fuq l-għajnuna finanzjarja li se tingħata.

Fosthom:

  • li mal-għajnuna mogħtija għandu (jew ma għandux) ikun hemm kondizzjonijiet li jorbtu lil-pajjiż li jirċeviha jwettaq “riformi” iebsa fit-tmexxija tiegħu;
  • li l-għajnuna mogħtija trid tirrispetta u tgħin biex tippromwovi l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fil-qasam ambjentali;
  • li l-għajnuna tingħata biss lil kumpanji irreġistrati fl-Unjoni Ewropea u li qed iħallsu t-taxxi fuq il-profitti dovuti minnhom, u mhux qed ipoġġuhom f’xi ġenna fiskali biex jevitaw li jħallsuhom;
  • li l-għajnuna ma sservix biex bi skuża tal-Covid, kumpaniji li diġà kienu ħażin qabel bdiet il-kriżi jingħataw l-ossiġenu.

Kemm minn dawn il-kondizzjonjiet se jiġu imposti? Kemm minnhom se jitwettqu?

***

AĊĊIDENTI TAT-TRAFFIKU

Donnu li kemm ilna bil-miżuri ħalli nilqgħu għall-corona virus – li wasslu biex fit-toroq ikun hemm anqas nies u traffiku – żdiedu l-inċidenti anke fatali tat-traffiku. Jew hi impressjoni żbaljata din?

Donnu li fil-baħħ li sabu ċerti sewwieqa f’ċerti toroq, ħassew li r-regoli dwar it-tmexxija tat-traffiku mhumiex daqshekk ta’ min isegwihom. U telqulha jġerru. Veru li ħafna mkejjen kienu u għadhom battala. Biss fi triq miftuħa, iċ-ċansijiet li titlaqa’ ma’ xi ħadd baqgħu tajba.

Jista’ jkun li anke jekk kien hemm xi żieda fin-numru ta’ inċidenti, din m’għandha l-ebda sinjifikat statistiku. Xorta waħda, ta’ min jistħarreġ għaliex fit-toroq tagħna, baqa’ jkollna imwiet ta’ aċċidenti ta’ sewqan meta suppost li fiċ-ċirkostanzi li konna għaddejjim minnhom, ma kellu jkollna lanqas wieħed.

Share With: