Il-PM jitlob lil Konrad Mizzi biex jirreżenja… Mizzi jirrifjuta

Bħalissa għaddejja laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista biex ikun deċiż il-futur tal-eks-Ministru Konrad Mizzi

Fi stqarrija fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook Konrad Mizzi qal li l-Prim Ministru talbu biex ma jibqax parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. 

Qal li filwaqt li jirrispettah u x-xogħol li qed jagħmel għal pajjiżna, ma qabilx li għandu jwarrab fuq allegazzjonijiet u spekulazzjonijiet mbuttati ‘l quddiem mill-avversarji tal-Partit Laburista.

Kompla biex jgħid li l-Prim Ministru m’ilux li stqarr li jekk xi ħadd żgarra fil-proġett tal-Montenegro, għandu jwarrab. Min-naħa tiegħi, hu ċaħad bl-aktar mod kategoriku kwalunkwe allegazzjoni ta’ interess personali fil-proġett. Fuq din ir-raġuni spjega li ma jaqbilx jintalab jitwarrab mingħajr ma jinstema’ u mingħajr ma jingħata l-opportunità li jiddefendi ruħu. Sostna li l-kredenzjali demokratiċi u moderni tal-Partit Laburista jridu proċess ogħla minn hekk.

Mizzi qal ukoll li n-nuqqas ta’ interess personali għandu joħroġ iktar ċar mill-investigazzjonijiet li qed isiru mill-awtoritajiet. Hu qal li jaqbel li l-investigazzjoni ssir u li ssir malajr, u nsista li l-Enemalta tiddikjara pubblikament id-dettalji kollha tal-proġett anke jekk din sa llum dan m’għamlitux.

Mizzi kompla biex jgħid li ma jibżax mill-kalunnji tal-għedewwa tal-Partit Laburista, u li se jiddefendi ruħu, kif għandu kull dritt li jagħmel bħala ċittadin ta’ pajjiż demokratiku.

Mizzi qal ukoll li hu jibqa’ leali b’mod assolut lejn il-Partit Laburista u lejn il-kostitwenti li eleġġewh biex jagħti servizz fil-politika. “Bis-servizz tiegħi, mexxejt ‘l quddiem il-politika ekonomika u tal-enerġija tal-Gvern Laburista taħt il-Mexxej Laburista u Prim Ministru Joseph Muscat. Bis-saħħa tal-isforzi tagħna, raħħasna l-kontijiet tad-dawl u ilma, u minn kumpanija falluta, l-Enemalta bdiet tinvesti fi proġetti internazzjonali. Il-proġett tal-Montenegro huwa l-ewwel proġett tal-Enemalta ‘l barra minn xtutna, li jagħtiha dħul garantit ta’ mill-inqas 9.4%”, fakkar Mizzi.

Huwa temm jgħid li fid-dawl tal-aħħar żviluppi, hu xorta se jibqa’ juri l-lealtà lejn il-Partit Laburista u, bil-vot tiegħu fil-Parlament, se jkompli jsostni l-isforzi tal-Gvern Laburista.

Share With: