“Il-privileġġ Parlamentari m’għandux jitneħħa imma għandu jkun hemm kontroll għal min jabbuża minnu” – l-Ispeaker Anġlu Farrugia

Miktub minn VICTOR VELLA

Fl-aħħar jiem assistejna għal kontroversja li wasslet biex intalab ksur ta’ privileġġ mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat għal allegazzjonijiet li għamel id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. F’dawn l-allegazzjonijiet, Jason Azzopardi allega fil-Parlament, fejn hu kien kopert bil-privileġġ Parlamentari li d-deċizjoni ta’ Joseph Muscat li jsejjaħ elezzjoni ma kinitx Egrant iżda kienet l-għarfien ta’ Joseph Muscat flimkien mal-kompliċi tiegħu, għax kien jaf li hemm pjan u plott biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.

Inewsmalta tkellmet mal-Ispeaker Anġlu Farrugia dwar il-privileġġ Parlamentari. Hu qalilna li “l-pożizzjoni tiegħi hi u dejjem kienet li l-privileġġ  Parlamentari m’għandux jitneħħa. Imma għandu jkun henmm kontroll għal min jabbuża minnu.  Jien kont semmejt riforma u waħda mir-riformi hi li ċ-ċittadin, meta xi ħadd jabbuża fil-Parlament fil-konfront ta’ ċittadin ieħor u għalhekk inti ma tistax tfittxu, għandu jkun hemm rimedju. Għandu jkun hemm rimedju għal ċittadini fejn speaker jinvestiga l-verità ta’ dak li jkun qal u jekk jirriżulta li mhux vera jew esaġera, jitlob lill-Parlament biex jikkoreġi ruħu u jirtira. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Parlament jagħmel ‘name and shame’ mill-Ispeaker.”

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qalilna li “jien għamilt studju u rajt x’jiġri fl-Awstralja u New Zealand. Hemmhekk iċ-ċittadin għandu dritt ukoll li dan jagħmel risposta u tinqara mill-Ispeaker fil-Parlament. Bħalissa hemm iniżjattiva għaddejja li għandha tiddaħħal is-sistema li b’xi mod iċ-ċittadin ikollu dritt għal risposta”, qalilna l-Ispeaker.

Din il-kontroversja marbuta ma’ dak li qal Jason Azzopardi inqalgħet nhar l-Erbgħa. Dakinhar l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’intervent fil-Parlament iddikjara li “assistejt għall-aktar lingwaġġ diżgustanti u abbuż tal-privileġġ Parlamentari. Id-Deputat Jason Azzopardi għamel gidba malafamanti. Din hi bla bażi. Hu qal li d-deċizjoni ta’ Joseph Muscat li jsejjaħ elezzjoni ma kinitx Egrant iżda kienet l-għarfien ta’ Joseph Muscat flimkien mal-kompliċi tiegħu, li kien hemm pjan u plott biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.  Qed jiġi allegat li jien b’xi mod kont naf bil-plot tal-qtil. Dan ma jirriżulta minn imkien. L-ebda livell ta’ skontru politiku bniedem ma jiġi mċappas b’dan il-mod. Din hi fantasija bla sens tal-onorevoli membru. Jista’ jgħajjar li jrid, imma ħadd mhu se jħammiġni b’xi ħaġa bħal din. Hu l-istess onorevoli membru li lili bgħatli messaġġi permezz ta’ terzi biex ma nattakkahx fuq kwistjonijiet personali. Jien l-uniku Prim Ministru li taħti ġie solvut każ ta’ qtil”, iddikjara Joseph Muscat.

Share With: