Il-proġett ta’ housing soċjali ġdid fiż-Żurrieq jinsab fi stadju avvanzat

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes żar is-sit fejn qegħdin jinbnew units ġodda ta’ housing soċjali fiż-Żurrieq – sit li fih ix-xogħol tal-ġebla jinsab fi stadju avvanzat. Is-sit fi Triq Ta’ Ċiantar se jinbidel f’saqaf għal 25 familja li huma ġenwinament fil-bżonn. Dan hu proġett li bħall-proġetti kollha ta’ housing soċjali li qed jinbnew b’investiment ta’ €130 miljun, hu maħsub sal-inqas dettall filwaqt li jħares ukoll iż-żona u r-residenti tal-madwar.

Il-proġett fi Triq Ta’ Ċiantar mhux biss se jkun qed joffri 25 appartament ta’ housing soċjali ġdid iżda jinkludi wkoll 21 garaxx. L-appartamenti qed jinbnew f’sit ta’ 1,200 metru kwadru, li kollha se jkunu aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà.

Il-Ministru Galdes innota b’sodisfazzjon li l-proġetti ta’ housing soċjali ġdid imorru lil hinn mill-istandard ta’ housing soċjali tal-passat. Tenna li “M’għadniex naħsbu fil-housing soċjali biss bħala proġett konċentrat f’żona waħda iżda qed nipproġettaw binjiet iżgħar li estetikament iħallu impatt viżiv pożittiv fuq iż-żona tal-madwar. Il-binja fiż-Żurrieq hi xhieda ta’ din il-bidla progressiva fid-disinn u fl-ippjannar tal-akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna,” huwa qal.

Żied jgħid li “L-proġetti ta’ housing soċjali huma turija tal-impenn ta’ Gvern Laburista li jkompli jindirizza l-bżonn reali għall-akkomodazzjoni soċjali, li jipprovdi pjattaforma diċenti u adekwata biex dawn il-familji jibdew it-triq tal-mobbiltà soċjali.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay tenna li “Aktar minn qatt qabel, l-Awtorità qed tipprovdi soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi tal-ġurnata. L-investiment li qed jagħmel il-gvern fis-settur tal-housing, l-Awtorità se tkun qed tkompli ssarrfu f’ħidma biex il-familji li jiġu allokati post ta’ akkomodazzjoni soċjali, b’mod tanġibbli, itejbu s-sitwazzjoni tagħhom u jimxu ’l quddiem.”

Huwa kkonkluda billi fakkar fl-iskemi li introduċiet l-Awtorità tad-Djar fl-aħħar xhur bil-għan li tindirizza faxex differenti tas-soċjetà. Irrefera għal dawn l-iskemi u l-bini ta’ housing soċjali bħala xhieda tal-politika li qed tiġi implimentata fis-settur tal-housing, li ma tpoġġix lil kulħadd fl-istess keffa u li tindirizza bżonnijiet differenti b’soluzzjoni differenti.

Share With: