Illum 50 sena ilu: Finali tat-Tazza tad-Dinja: Brażil v Italja 4-1

Kien eżattament 50 sena ilu bil-ġurnata, 21 ta’ Ġunju, 1970, li l-Brażil rebħu t-Tazza tad-Dinja tal-1970 li kienet saret fil-Messiku għat-tielet darba meta spiċċaw rebbieħa tal-Jules Rimet Trophy fi żmien relattivament qasir ta’ 12-il sena.

Din hija sensiela ta’ ħames ħarsiet lejn ir-rebbieħa tal-aqwa kompetizzjoni fid-dinja li ġiet mirbuħa fis-snin li jispiċċaw biż-żero jiġifieri l-Urugwaj fl-1930 u fl-1950, il-Brażil fl-1970, il-Ġermanja tal- Punent fl-1990 u Spanja fl-2010.

Wieħed jista’ jgħid li l-Brażil kellhom dak li nistgħu nsejħulu l-aqwa team li qatt rebaħ din it-tazza prestiġjuża għalkemm dak tal-1958 ma jinsabx wisq lura f’dik li hija stima u kwalitá tat-team.

Wara r-rebħa tal-1958 kontra l-Isvezja bl-iskor ta’ 5-2 f’Goteborg, huma rrepetew is-suċċess erba’ snin wara meta fil-1962 reġgħu rebħuha meta kienet saret fiċ-Ċilí din id-darba jegħlbu liċ-Ċekoslivakkja 3-1.

Imbagħad fl-1966 fl-Ingilterra l-affarijiet marru ħażin meta sfaw eliminati minn Grupp 3 li kien jikkonsisti mill-Bulgarija, l-Ungerija u l-Portugal fejn litteralment il-leġġendarju Pelé ġie ‘imsawwat’ tant li ma kompliex jieħu sehem.

Dak in-nhar huma għelbu lill-Bulgari 2-1 iżda tilfu 3-1 kontra l-Ungeriżi u l-Portugiżi.

Iżda taħt il-gwida tal-coach Mario Zagalo huma reġgħu kellhom team mill-aktar kompetittiv li din id-darba baqa’ sejjer sal-aħħar bir-riżultati li akkwistaw jitkellmu waħedhom.

Fil-fażi tal-gruppi, il-Brażil rebħu dak 3 b’punti massimi meta għelbu liċ-Ċekoslovak­kja 4-1 b’goals minn Rivelino (24), Pelé (59), u Jairzinho (61, 83), lill-Ingilterra 1-0 b’goal ta’ Jairzinho (59) f’logħba klassika li offriet spettaklu miż-żewġ timijiet u li kienet inkludiet is-Save tas-Seklu, ta’ Gordon Banks fuq daqqa ta’ ras ta’ Pelé u lir-Rumanija 3-2 fejn hawn il-goals ġew minn Pelé (19, 67) u Jairzinho (22).

Min-naħa tal-Italja, li kie­nu taħt il-coach Ferruccio Val­careggi, huma rebħu Grupp 2 meta skorjaw goal wieħed iżda ma sofrew xejn fit-tliet logħbiet li lagħbu.

Huma bdew billi għelbu lill-Isvezja 1-0 b’goal kmieni ta’ Angelo Domenghini (10) u wara spiċċaw 0-0 kontra l-Urugwaj u Iżrael.

Fil-kwarti-finali ż-żewġ ti­mijiet skorjaw erba’ goals kull wieħed bil-Brażil jegħlbu lill-Peru 4-2 permezz ta’ goals minn Rivelino (11), Tostao (15, 52) u Jairzinho (75) waqt li l-Italja eliminaw lill-organizzaturi l-Messiku bl-iskor ta’ 4-1 bil-goals jiġu minn Guzman (25 og), Gigi Riva (67, 76) u Gianni Rivera (70).

Iżda fis-semi-finali l-Italja kienu nvoluti fi 30 minuta ta’ ħin barrani mill-aktar sensazzjonali wara li l-logħba spiċċat fi draw 1-1 sad-90 mi­nuta bl-aħħar 22 minuta jkunu tassew tal-ġenn meta fihom ġew skurjati xejn inqas minn ħames goals.

Kien Roberto Boninsegna (8) li fetaħ l-iskor għat-Taljani, iżda Karl-Heinz Schnellinger (90) żamm lill-Ġermaniżi fil-partita meta kiseb id-draw fl-aħħar minuta.

Il-logħba ma kinitx waħda li wieħed jiftakarha, iżda l- ħin barrani dawwarha f’waħ­­da famuża. Gerd Muller (94) skorja għall-Ġermanja, iżda Tarcisio Burgnich (98) kiseb id-draw u Gigi Riva (104) poġġa lill-Italja fil-vantaġġ.

Dan ma kienx kollox għax Muller (104) għamilhom 3-3 biex anke spiċċa l-aqwa skorer b’10 goals bil-logħba tiġi deċiża minuta wara minn    Gianni Rivera (11) bid-disa’ minuti li kien fadal kienu ferm eċċitanti.

Fil-finali li saret nhar il-Ħadd, 21 ta’ Ġunju, 1970, quddiem 107,412 spettatur fl-Azteca Stadium, f’Mexico City kienu l-Brażil li ħarġu minn fuq meta għelbu lill-Italja 4-1 li huwa l-istess riżultat li kienu bdew it-tournament bih kontra ċ-Ċeki.

Kienu l-Brażil l-ewwel li marru minn fuq meta fit-18-il minuta Pelé għeleb lil Enrico Albertosi b’daqqa ta’ ras minn centre stupend mix-xellug ta’ Rivelino.

L-iskor sar 1-1 wara 37 minuta wara żball tad-difiża Brażiljana bil-goalkeeper Felix joħroġ fil-vojt u ma jkunx jaf fejn qiegħed biex Bobo skorja minn qagħda ċentrali minn tarf il-kaxxa.

Fit-tieni taqsima l-qawwa u l-kreattivitá tal-Brażil kienu wisq għat-Taljani li baqgħu jużaw is-sistema difensiva ri­goruża b’Gerson jerġa’ jpoġġi lill-Brażil minn fuq fis-66 minuta b’xutt qawwi angolat minn barra l-kaxxa u wara għen biex jiġi pprovdut it-tielet goal bi free-kick fit-tul lil Pelé li niżżel bir-ras qud­diem Jairzinho li ma kellux diffikultá jkompli l-ballun għal ġewwa mill-viċin meta għeleb lil Albertosi għat-tielet darba.

Huwa veru li Muller spiċċa l-aqwa skorer iżda b’dan il-goal Jairzinho daħal fil-kotba tar-rekords meta sab ix-xibka f’kull logħba, darba minnhom b’doppjetta.

Pelé għaqqad wirja stupenda meta ġibed lid-difiża Taljana lejn in-nofs u ta ballun pinġut lill-captain Carlos Alberto biex issiġilla r-rebħa.

Dan il-goal ta’ Carlos Alberto wasal wara sensiela ta’ tqassim mit-team Brażiljan mix-xellug għan-nofs tant li huwa kkunsidrat wieħed mill-aqwa goals li qatt ġew skorjati fl-istorja tat-tournament.

Total ta’ seba’ players Bra­żiljani qassmu l-ballun sa­kemm Carlos Alberto sammru fir-rokna tax-xibka wara pass perfett minn Pelé, instigat mill-intelliġenza ta’ Tostao, li b’dahru lejn il-lasti, qal lil Pelé li Alberto ġej jiġri minn fuq il-lemin. Fil-fatt l-uniċi żewġ players li ma kienux involuti fil-mossa kienu Everaldo u Piazza.

Brażil: Felix, Brito, Wilson Piazza, Carlos Alberto, Everaldo, Clodoaldo, Gerson, Tostao, Rivelino, Jairzinho, Pelé.

Italja: Albertosi, Burgnich, Facchetti, Cera, Rosato, Bertini, Mazzola, De Sisti, Riva, Domenghini, Boninsegna.

Referee: Rudi Glockner (Ġermanja tal-Lvant).

Share With: