AĠĠORNAT: Il-Kunsill tan-Naxxar jirreplika għall-allegazzjonijiet

Persuni li tkellmu ma’ inewsmalta lmentaw li ta’ kuljum qegħdin isibu għadajjar ta’ awrina tal-klieb mal-kantunieri ta’ Triq Santa Luċija fin-Naxxar. 

Spjegawlna li kemm-il darba għamlu rapporti lill-Kunsill, iżda qatt ma ttieħdet xi forma ta’ azzjoni. Minflok qalulhom li huma m’għandhomx x’jaqsmu u talbuhom biex iċemplu lil tas-Sanità. 

Filwaqt li dawn ir-residenti semgħu mill-istruzzjonijiet tal-Kunsill Lokali, tas-Sanità qalulhom li hu l-Kunsill li jrid jara din il-problema. Minħabba f’hekk, ir-residenti spiċċaw ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu u qegħdin ikollhom jgħixu fil-ħmieġ, fin-nemus u fl-intejjen kbar li huma insopportabbli. 

F’dan il-kuntest, ir-residenti qegħdin jistaqsu min se jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dawn is-sitwazzjonijiet li jistgħu joħolqu konsegwenzi serji għan-nies tal-lokal. 

Intant il-Kunsill tan-Naxxar ċaħad “l-allegazzjonijet infondati” u qal li fl-ebda mument ma qatt sar tali lment, b’residenti qatt ma jintqalilhom biex jirrikorru għand tas-Sanità minħabba li din il-problema ma taqax taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

Il-Kunsill temm jisħaq li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar dejjem jaġixxi b’rispett u responsabbiltà lejn iċ-ċittadini tiegħu u l-pubbliku inġenerali u dejjem jieħu l-passi meħtieġa skont il-każ u skont id-doveri u r-riżorsi li jkollu.

Share With: