Impjegati tal-Bank of Valletta jagħtu l-ħajja permezz ta’ donazzjonijiet ta’ demm

Aktar min 1,300 borża tad-demm inagħtaw minn impjegati tal-Bank of Valletta tul dawn l-aħħar 12-il sena.

Il-Bank of Valletta b’kollaborazzjoni mas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jorganizza tliet avvenimenti fis-sena biex jinkoraġġixxi lill-impjegati tiegħu jagħtu d-demm u jgħinu jsalvaw il-ħajjiet.

“Id-demm huwa prezzjuż. Għal dawk li jkollhom il-bżonn tad-demm minħabba xi kundizzjoni medika jew għax iridu jgħaddu minn xi operazzjoni maġġuri, l-għoti tad-demm huwa kruċjali,” stqarr Jesmond Sciberras, organizzatur tal-BOV Blood Drives.

Kull sena, ‘il fuq minn 4,500 pazjent jibbenefikaw mill-ġest altruwistiku tad-donaturi tad-demm. “Hemm madwar 60,000 persuna li huma donaturi reġistrati, madankollu 10,000 donatur biss jagħtu regolarment, mill-inqas darba kull sentejn,” iddikjara Tony Micallef mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm. “Dawn l-aħħar tliet xhur kienu saħansitra aktar diffiċli biex jinkisbu donazzjonijiet ta’ demm minħabba l-pandemija COVID-19. Aħna issa nittamaw li n-nies iwarrbu l-biżgħat tagħhom u jagħtu d-demm. Jekk id-demm ma jkunx disponibbli mill-ewwel, nies li jsofru xi ġrieħi kbar ikollhom inqas ċans li jgħixu waqt li pazjenti li jbatu minn mard kroniku jew li qed jistennew li jagħmlu xi operazzjoni jistgħu jaraw it-trattamenti mediċi tagħhom posposti. Nixtiequ nassiguraw lid-donaturi tad-demm li qed nieħdu l-prekawzjonijiet kollha ta’ sikurezza u li jistgħu jgħinu jsalvaw ħajjiet b’mod sikur.”

Is-saħħa tad-donaturi ma tiġix affettwata meta jingħata d-demm u qabel kull donazzjoni jsir eżami mediku biex jiddetermina jekk persuna hijiex b’saħħitha u eliġibbli biex tagħti d-demm. Irġiel ta’ bejn it-18 u l-65 sena jistgħu jagħtu d-demm mill-inqas darba kull tliet xhur, waqt li n-nisa jistgħu jagħtu kull erba’ xhur (kull 3 xhur wara l-menopawża).

“Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lid-donaturi tad-demm kollha. Grazzi għal dawn in-nies u l-ġest nobbli tagħhom, missieri li għandu 79 sena għadu ħaj u nista’ ngawdi l-kumpanija tiegħu għal iktar żmien. Kieku ma kienx għad-donaturi tad-demm, kont nitilfu iktar minn għaxar snin ilu,” qalet waħda mill-impjegati tal-Bank of Valletta. “Sfortunatament fil-ħajja wieħed ikollu jesperjenza sitwazzjonijiet diffiċli qabel ma japprezza kemm huwa prezzjuż id-demm għal min għandu bzonnu. Id-demm isalva l-ħajjiet, u minn qalbi nħeġġeġ lil kull min jista’ biex imur jagħti d-demm.”

Tista tagħti d-demm billi żżur iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fil-Pietà kuljum bejn it-8 ta’ filgħodu u s-6 ta’ filgħaxija. Għal aktar informazzjoni idħol fuq www.facebook.com/bloodmalta jew ċempel fuq 8007 4313 jew 7930 7307.

Share With: