Influencer Russa ta’ 18-il sena tmut f’inċident b’mutur

Miktub Minn CARMEN CACHIA

Anastasia Tropitsel, influencer famuża Russa, fl-età ta’ 18-il sena tilfet ħajjitha traġikament wara li sofriet ġrieħi serja f’rasha meta ħabtet b’mutur tat-tip Kawasaki. L-inċident seħħ f’Bali fejn ħasad miljuni ta’ ammiraturi ta’ din l-influencer żagħżugħa li saret miljunarja fl-età ta’ 15-il sena grazzi għas-suċċess enormi li kisbet fuq il-midja soċjali.

L-għarus tagħha, Viktor Maydanovich li għandu 30 sena, kien ukoll qiegħed isuq mutur ħdejn il-vittma meta raha titlef il-kontroll. Anastasia kienet għaddejja b’velocità ta’ 60 mil fis-siegħa bil-konsegwenza li f’mument minnhom ma setgħetx tikkontrolla l-mutur u baqgħet dieħla dritt ġo ħajt. 

Din l-influencer bdiet il-karriera tagħha online fl-età tenera ta’ 12-il sena u dejjem kienet tiftaħar kif irnexxielha ssir miljunarja fl-età ta’ 15-il sena. Hija dejjem kienet tgħid lil dawk li jsegwuha li trid tkun ta’ ispirazzjoni għalihom biex jagħmlu dak li ma jistgħux u li, “nagħtikom il-ġwienaħ biex tagħmlu xogħol freelance”.

Tropitsel, li isimha proprju huwa Anastasia Zubrina, mietet ftit wara li xtrat mutur ġdid tad-ditta Kawasaki Ninja 250 u wara li kellha ġliedha ma’ missierha dwar it-tip ta’ xogħol li hija tagħmel.

Hija kellha tibqa’ f’Bali għall-perjodu tal-lockdown wara li għamlet żjara fil-gżira biex tippromwovi lilha nnifsha fuq Instagram. Missierha, li huwa tabib, ma tantx kien kuntent bl-istil ta’ ħajja ta’ bintu tant li kien qiegħed jinsisti magħha biex tibda taħdem minflok tmur il-parties għax inkella mhux se jkollha futur sod.

Min-naħa tagħha Anastasia akkużat lill-missierha li qiegħed jagħmillha ħsara emozzjonali u li tradiha.

L-għarus tagħha, imwieled fl-Ukranja, qal li l-għażiża tiegħu m’għadhiex magħna u saħaq li Anastasia kienet dejjem toqgħod attenta kif issuq iżda fl-inċident ġara li f’daqqa waħda l-mutur beda jiċċaqlaq ‘l hemm u ‘l hawn bil-konsegwenza li t-tfajla tiegħu mietet. 

Huwa talab lis-segwaċi kollha tagħha biex jagħtuha l-aħħar tislima permezz ta’ meditazzjoni u ħsibijiet sbieħ.

Mill-post fejn seħħ l-inċident

Share With: