Investiment ta’ madwar €325,000 f’vetturi għall-persuni b’diżabilità

L-Aġenzija Sapport ħabbret li xtrat 15-il vettura ġdida għall-persuni b’diżabilità b’investiment ta’ madwar €325,000. Dawn il-vetturi issa jtellgħu t-total ta’ vetturi li għandha l-Aġenzija għal 34. Dawn il-vetturi jintużaw mill-ħaddiema tal-Aġenzija Sapport fil-ħidma tagħhom ma’ benefiċjarji tas-servizzi. Bil-għan li tkompli tiġi ffaċilitata l-aċċessibiltà għall-persunbi b’diżabilità, 11-il vettura mill-15-il mixtrija huma wkoll aċċessibbli għal dawk il-persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabbiltà Silvio Parnis qal li dawn il-vetturi l-ġodda se jintużaw sabiex il-persuni b’diżabbiltà li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, ir-residenti fid-djar tal-Aġenzija u dawk li jagħmlu użu mis-Servizzi fil-Komunità jkunu jistgħu jattendu għas-servizzi u l-appuntamenti meħtieġa. Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li permezz ta’ din iż-żieda fil-vetturi se jkun iżjed faċli li jiġu organizzati aktar attivitajiet u ħarġiet għall-persuni b’diżabbiltà.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li, flimkien mal-vetturi preżenti tal-Aġenzija, dawn il-vetturi l-ġodda se jkunu qegħdin ikomplu jaqdu l-bżonnijiet tal-Aġenzija kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Share With: