Ir-raġel li miet waqt li kien qiegħed jgħum fil-Bajja tal-Exiles huwa Patri Victor Enriques

Il-Pronvinċja Karmelitana Maltija ħabbret il-mewt ta’ Patri Victor Enriques O. Carm mill-kunvent tal-Balluta wara li sfortunatament tilef ħajtu waqt li kien qiegħed jgħum fil-Bajja tal-Exiles.

Bosta kienu dawk li sellmu l-memorja tiegħu u ddeskrivewh bħala bniedem mill-aktar eżemplari u maħbub minn kulħadd fejn għamel ħafna ġid maż-żgħażagħ, għarajjes, miżżewġin u fil-Parroċċa. Patri Victor kien ukoll ta servizz fil-Kulleġġ Saint Elias għal numru kbir ta’ snin tant li bosta kienu dawk l-eks studenti studenti tiegħu li taw il-kondoljanzi.

Huwa kellu 75 sena u kienu għall-ħabta tat-8.00a.m. x’ħin il-Pulizija ġew infurmati li hemm bżonn l-assistenza minħabba li persuna kienet tinsab f’diffikultà fil-baħar fejn minnufih marru fuq il-post il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan.

Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li Patri Victor x’aktar sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qiegħed jgħum. Huwa ttella’ mill-baħar minn xi persuni li kienu fl-akwati hekk kif innutaw lir-raġel wiċċu l-isfel fl-ilma. Huwa ngħata l-ewwel assistenza minn tim mediku tal-Isptar Mater Dei iżda sfortuntament ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Bil-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrar Josette Demicoli li ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.

Share With: