IR-RAZZIŻMU

Trid tkun ibleh biex temmen li f’Malta ma jeżistix ir-razziżmu jew li m’għandux – bħal f’pajjiżi oħra – għeruq profondi. Minn fejn ġew ma nistax ingħid. Imma f’kull ġens jeżisti l-impuls fost il-membri tiegħu biex dak li ma jidhirx li hu “bħalhom”, iqisuhom bi stmerrija. 

Anke f’nies li jemmnu li neħħew minnhom, jaħsbu huma, kull sens razzist, issib modi ta’ espressjoni u fehmiet, li meta tqishom sew, se tarahom razzisti. Fis-sens li dak li mhux bħalhom, aktar u aktar fil-każ tal-lewn tal-ġilda, hu inferjuri u għandu jitwarrab jew agħar.

Nistgħu ndumu niċħdu jew ninjoraw dil-biċċa. Hemm se tibqa’, minkejja l-proklami piji li jsiru dwar kemm ir-razziżmu fostna hu mxejjen. 

Sadattant, l-aqwa razzisti ma joqogħdux lura milli jipproklamaw fehmiethom – kliemhom imfassla biex jiġbru madwarhom lil dawk li jħossuhom minsija jew maqrusa, lesti li jwaħħlu f’kull ħaddieħor għal xortihom  ħażina.

IL-CORONA FARSA?

Iltqajt ma’ min qalli: Nemmen li kull ma nqala’ dwar l-imxija tal-corona virus ma kien xejn ħlief komplott biex iwerwru lid-dinja u jġagħluha ddaħħal ċerti regoli ta’ tmexxija.

–Bħal xhiex?

–Uu, l-ambjent u l-klima, emigranti…

–Allura ċ-Ċiniżi ukoll?

–Ee, dawk parti mill-kumplott biex idgħajfu u jnawru lir-razza l-bajda.

–Imma dawk l-imwiet kollha – miċ-Ċina sal-Lombardija sa New York? Kollha vvintati?

–Le, ovvja. Xorta kienu jmutu, anke bla corona.

  –Jidher li l-imwiet kull fejn inħasset l-imxija, kienu fl-għexieren tal-eluf aktar numerużi minn fis-snin ta’ qabel.

–Iva, mela. Kellna attakk tal-influwenza ħafna aktar qawwi mis-soltu.

SE JDUMU

Għalija, id-dewmien f’deċiżjoni mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex jieħdu miżuri tqawwija ta’ solljev u irkupru ekonomiku xejn mhu sabiħ. Hemm diżgwid bejn l-istati dwar x’għandu jsir u kif, minkejja l-proposti intelliġenti li għamlet il-Kummissjoni Ewropea ta’ Ursula von der Leyen. 

Biss, kull pajjiż għandu d-dritt li jperreċ ir-riżervi tiegħu skont l-interessi nazzjonali – u allaħares ma jkunx hekk. Il-problema hi li għaddej iż-żmien u ma nafx kemm jagħmel sens li l-Ewropa tidher qed tfettaq lil hemm u lil hawn, waqt li l-problemi ekonomiċi jirtassu fuq xulxin.

F’laqgħa ta’ esperti ekonomiċi Ewropej li attendejt (minn distanza) dil-ġimgħa, kien hemm min argumenta b’mod differenti: Għadna m’aħniex nifhmu tajjeb biżżejjed l-effetti ekonomiċi tal-kriżi, sostna. Għadu kmieni wisq biex b’mod sħiħ, nissettjaw il-miżuri li jistgħu jpattu għall-kriżi. Ejja niddiskutu minn issa x’għandhom ikunu…imma nistennew ftit ieħor qabel niddeċiedu. Donnu kien fil-ħsieb tal-gvernijiet Ewropej li għadhom ma jistgħux jiftiehmu dwar x’għandhom jagħmlu! 

Share With: