Is-Serie C f’polemika kbira

Id-deċiżjoni li jiġi terminat il-kampjonat tas-Serie C ħolqot kontroversja kbira f’dawn l-aħħar ġranet. Wara li l-president ta’ Rimini Calcio rriżenja mill-kariga bħala protesta li t-team tiegħu ġie relegat fuq mertu sportiv, issa hemm sitt clubs li ddeċidew li ma jieħdux sehem fil-play-offs li l-ogħla awtoritajiet ta’ din id-diviżjoni ħolqu. Dawn huma Arezzo, Modena, Piacenza, Pontedera, Vibonese u Pro Patria li prattikament irrifjutaw l-offerta tal-Lega Serie C. 

Dan il-format ġie organizzat sabiex ikun hemm ir-raba’ team li jkun jista’ jiġi promoss għas-Serie B wara li Reggina, Monza u Vicenza rebħu l-grupp tagħhom rispettiv.

L-istaġun 2019/20 kellu jingħalaq kmieni minħabba l-pandemija tal-Coronavirus li ħarbtet il-kumplament tal-partiti.

Fl-istess waqt kien hemm diversi clubs li jiffurmaw parti minn din il-kategorija li ma xtaqux ikomplu l-istaġun minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji adegwati u li ma jistgħux jilħqu l-kriterji li jitlob il-protokoll mediku. 

Share With: