“It-teleworking għandu jibqa’ għal ġenituri li qed jgħinu fit-tagħlim fid-dar ta’ wliedhom”

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti ta’ Skejjel Statali tappella lill-Gvern biex jipprovdi linji gwida

Ġenituri ħaddiema li qed jgħinu fit-tagħlim fid-dar ta’ wliedhom minħabba l-għeluq tal-iskejjel, ma għandhomx ikunu mistennija jirritornaw fiżikament fuq il-post tax-xogħol nhar il-Ġimgħa. Qalet dan l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti ta’ Skejjel Statali (MAPSSS) b’referenza għall-konferenza li l-Prim Ministru għamel fl-1 ta’ Ġunju, dwar it-tneħħija ta’ ħafna mir-restrizzjonijiet relatati mal-COVID19, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni li “l-ħaddiema kollha huma mistennija jirritornaw għax-xogħol nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju”.

Fid-dawl tal-fatt li l-iskejjel se jibqgħu magħluqin sa tmiem is-sena skolastika, xi ħaġa li MAPSSS taqbel magħha, l-Assoċjazzjoni qed tappella lill-Gvern biex jiżgura li ġenituri li bħalissa qed jagħmlu home-schooling ta’ wliedhom, u li għandhom arranġamenti ta’ telework ma’ min iħaddimhom, jibqgħu bl-għażla li jużaw it-telework. Min-naħa l-oħra, ġenituri li m’għandhomx telework u li qed jassistu fit-tagħlim virtwali ta’ wliedhom, m’għandhomx ikunu mistennija jmorru lura fuq il-post tax-xogħol qabel jibda jingħata s-servizz ta’ SkolaSajf/Klabb316 fl-1 ta’ Lulju.

MAPSSS uriet it-tħassib tagħha li jekk il-gvern ma jipprovdix linji gwida ċari, il-ġenituri qed jirriskjaw li jitilfu l-impjieg tagħhom, fid-dawl tal-fatt li min iħaddimhom qed jistennihom lura x-xogħol jumejn oħra.

Barra minn hekk l-Assoċjazzjoni qalet li l-ġenituri għadhom ma ngħataw l-ebda dettalji dwar il-protokolli ta’ saħħa u sigurtà li se jittieħdu fiċ-ċentri ta’ Skola Sajf, child care centres, Klabb 316 jew kwalunke skola tas-sajf oħra.

MAPSSS temmet tgħid li fid-dawl taċ-ċirkustanzi, ir-responsabbiltà prinċipali tal-ġenituri tibqa’ li jieħdu ħsieb uliedhom, u għandhom ikunu mgħejjuna jagħmlu dan.

Share With: