Iweġġa’ Uffiċjal tad-Detenzjoni waqt li numru ta’ Immigranti ħarbu minn Ħal Far

Ilbieraħ is-Sibt 27 ta’ Ġunju għall-ħabta tal-11:30 pm madwar 40 immigrant li kienu qegħdin fiċ-ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Far (‘Hermes block’ ġewwa ‘Lyster barracks’) użaw il-forza sabiex jaħarbu minn ġewwa ċ-ċentru tad-detenzjoni. L-uffiċjali tad-Detenzjoni u l-Uffiċjali tas-Sigurtà li kienu xogħol dak il-ħin għamlu dak kollu possibbli sabiex iwaqqfu lill-Immigranti milli jaħarbu miċ-ċentru u rnexxilhom iżommu numru minnhom. Sfortunatament Uffiċjal tad-Detenzjoni li kien ukoll l-‘Officer in Charge’ weġġa’ waqt il-qadi tad-dmirijietu u dan sabiex iżomm lill-Immigranti milli jaħarbu.

Is-Segretarju tat-taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi Theo Vella fi żmien ġimagħtejn diġà kiteb darbtejn lis-Segretarju Permanenti s-Sur Kevin Mahoney fejn infurmaħ li n-numru ta’ ħaddiema li hemm fiċ-ċentri tad-Detenzjoni mhux qed ikun biżżejjed biex ilaħħqu man-numru ta’ Immigranti li hemm detenuti f’dawn iċ-ċentri. Biex wieħed jifhem aħjar waqt il-ħarba tal-bieraħ kien hemm total ta’ 8 ħaddiema ma’ madwar 600 Immigrant, dawn kienu 4 Uffiċjali tad-Detenzjoni u 4 Uffiċjali tas-Sigurtà.

Huwa evidenti li n-nuqqas ta’ riżorsi umani qed jikkawża periklu għas-Saħħa u Sigurtà ta’ dawn il-ħaddiema u jekk l-awtoritajiet mhux se jagħtu r-riżorsi meħtieġa l-Unjin mhux se jkollha triq oħra ħlief li tirrikorri għall-azzjonijiet biex tipproteġi lill-istess ħaddiema. Fl-aħħar ġimgħat l-amministrazzjoni taċ-Ċentru tad-detenzjoni daħlet diversi miżuri ta’ dixxiplina u r-rappreżentanti tal-Unjin, kif ukoll il-ħaddiema ikkoperaw sabiex iżommu kemm jista’ jkun iċ-ċentru sigur. Sadanittant infetħet inkjesta Maġisterjali oħra.

Is-Segretarju tat-taqsima temm jgħid li numru ta’ Immigranti nqabdu Grazzi għall-ħidma tal-Uffiċjali tad-Detenzjoni, Uffiċjali tas-Sigurtà, Pulizija u anke tas-Suldati. Huwa awgura wkoll fejqan ta’ malajr lill-Ufficjal ferut waqt il-qadi ta’ dmirijietu.

Share With: