Jean Claude Micallef jisħaq dwar il-ħtieġa li s-settur tal-isport jiżviluppa f’niċċa turistika b’introjtu ekonomiku

F’intervent li għamel fil-Parlament id-Deputat Laburista Jean-Claude Micallef tenna dwar il-ħtieġa li pajjiżna jiżviluppa s-setur tal-isport f’niċċa turistika li tkun ikollha riżorsa mill-aspett ekonomiku.

Fl-intervent tiegħu Micallef saħaq li hija l-ħolma tiegħu li l-iżvilupp tas-settur sportiv f’pajjiżna jwassal biex dan eventwalment jibda jitqies bħala industrija. “Dan mhux biss għax għandi għal qalbi l-isport u l-isportivi iżda għax nara l-benefiċċju sħiħ li l-isport joffri għall-ekonomija, l-iżvilupp soċjali, u kif ukoll għax jagħti dinjità fit-totalità tagħha kollha,” huwa żied jgħid.

Huwa għamel referenza għall-proġetti imnedijin mill-Gvern f’dan ir-rigward, b’mod partikolari l-proġett fil-korsa taż-żwiemel, u t-trakka l-ġdida tal-go carts li ġiet inawgurata f’Ħal Far.

Fl-istess waqt tenna li baqa’ xi jsir speċjalment f’dik li hija rikonoxxenza mistħoqqa għall-isportivi kollha Maltin li jiksbu riżultati mill-aqwa anke lil hinn minn xtutna.

Huwa appella biex meta wieħed jiġi biex ifassal proġetti ġodda sportivi jqis il-kummerċjalizzazzjoni tal-klabbs u l-importanza li tinħoloq industrija sportiva mirq uma b’mod li l-aspett turistiku jittieħed fit-totalità tiegħu.

“Wieħed jistenna li fir-rigward ta’ proġetti bħal dawn ikun hemm ħsieb sportiv warajh li ma jiqafx biss mil-lenti ta’ dilettanti iżda jkun hemm ħsieb sportiv warajh li l-pajjiż jieħu introjtu ekonomiku wkoll minnhom,” żied jirrimarka Micallef.

Temm jisħaq li “żgur li nara li f’dan is-settur għandna fejn naħdmu biex nibbilanċjaw il-kwantità turistika u l-kwalità”.

Share With: